Lokali

Il-PN huwa vuċi soda li jħares l-interessi tan-negozji ż-żgħar fil-Parlament Ewropew

“Fil-Parlament Ewropew ħdimna biex nissalvagwardjaw l-interessi tan-negozji ż-żgħar li jiddependu fuq pjattaformi onlajn biex jilħqu l-konsumaturi. Impenjati li negħlbu l-isfidi diġitali li qegħdin jaffaċċjaw in-negozji Maltin u Għawdxin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Malta Business Bureau fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar xhur iltaqa’ ma’ mijiet ta’ negozji żgħar u medji li kellmuh dwar kif naqsilhom il-bejgħ mill-ħwienet dan meta qed jiżdied il-bejgħ onlajn. Huwa qal li l-PN qed jaħdem fil-Parlament Ewropew sabiex jgħin lin-negozji żgħar u medji jikbru onlajn u għalhekk jeħtieġ li immedjatament tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta li qed jaffaċċjaw negozjanti Maltin minn negozjanti barranin. Permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, nfetħu opportunitajiet kbar għall-kummerċ għan-negozji Maltin u Għawdxin f’suq ta’ 500 miljun persuna.

Adrian Delia qal li l-Kunsill Ġenerali tal-PN tal-Ħadd li ġej se jkun indirizzat mill-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Manfred Weber, li ukoll ġej minn raħal żgħir li fih hemm bosta negozji żgħar, u għalhekk jifhem iċ-ċirkostanzi partikolari tan-negozji żgħar u medji. Huwa qal li l-PN huwa membru tal-PPE li huwa l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew u għalhekk jista’ jkun l-aktar vuċi soda għan-negozji Maltin u Għawdxin fl-Ewropa.

Matul din il-laqgħa, l-President tal-Malta Business Bureau Simon De Cesare ppreżenta l-business manifesto tal-MBB ‘Business for Europe – Europe for Business’ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan il-manifest jirrifletti x-xejra politika kurrenti, b’analiżi leġislattiva u jiġbor l-aspettattiva tal-komunità kummerċjali Maltija mill-Unjoni Ewropea matul il-ħames snin li ġejjin. 

Preżenti għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, filwaqt li d-delegazzjoni tal-Malta Business Bureau kienet immexxija mill-President Simon De Cesare.