Lokali

Il-PN jemmen fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin li jikkompetu fl-Ewropa

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin li jikkompetu fl-Ewropa u se jagħmel pressjoni mill-Parlament Ewropew biex in-negozju jkun jista’ jikkompeti aktar għall-fondi Ewropej.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Ta’Xbiex. Adrian Delia qal li hu żar mijiet ta’ negozji biex jiltaqa’ ma’ min iħaddem u l-ħaddiema u jara r-realtajiet tagħhom.

Huwa qal li l-PN huwa vuċi soda li jħares l-interessi tan-negozji ż-żgħar fil-Parlament Ewropew u qed jaħdem sabiex jgħinhom jikbru onlajn billi jgħinhom jegħlbu l-isfidi. Dan meta kien il-PN li emmen fil-ħiliet u l-kapaċijiet tal-Maltin, u permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, n-negozji jistgħu jikbru bl-opportunitajiet kbar f’suq ta’ 500 miljun.

Adrian Delia qal li l-Partit Soċjalista qatt ma ried il-Kunsilli Lokali, mhux bħall-Partit Nazzjonalista li jrid lil min jagħmel il-ġid fl-lokalità fejn jgħix, u mhux għall-ftit magħżula kif qed jagħmel il-Gvern. Kien il-Partit Soċjalista li ħassar l-elezzjonijiet lokali tal-Kunsilli Lokali sentejn ilu u issa qed jigdeb biex jgħatti xturu li kien hu li ħassar l-elezzjonijiet ta’ 16-il kumitat amministrattiv għal din l-elezzjoni.