Il-Partit Soċjalista Malti irritorna bl-għajta antika ta’ “sinna għal sinna u għajn għal għajn” meta llejla ssoktat il-Konferenza Ġenerali Annwali, b’laqgħa f’Ta’ Sannat. Dan meta l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, li hu wieħed mill-favoriti ta’ Muscat, insista li issa hu ż-żmien li tirritorna din l-għajta – slogan li għal ħafna snin kien assoċjat mal-politika ta’ konfrontazzjoni addottata minn dan il-partit, li illum qed imexxi l-Gvern.
Alfred Sant qatta’ parti kbira mid-diskors tiegħu jattakka lit-tliet MEPs tal-PN. Kien hawn li Sant insista illi “għaż-żmien li ġej, irridu mmorru lura għall-għajta antika u qawwija – sinna għal sinna u għajn għal għajn”.
Żgur li din id-dikjarazzjoni saret bi ħsieb u bi pjan mill-Partit Soċjalista Malti, tant li Sant innifsu irrepetiha darbtejn fl-intervent tiegħu. Tant li t-tieni darba ammetta li din “tinstema’ vjolenti u salvaġġa”.
Waqt l-intervent tiegħu f’Ta’ Sannat, Alfred Sant fakkar ukoll fil-kampanja tar-Referendum ta’ 16-il sena ilu. Iżda b’sorpriża għal bosta stqarr illi kulħadd jiftakar kemm hu kien jikkampanja “favur u kontra l-UE”.
Fi tmiem id-diskors, Sant ħeġġeġ lill-partitarji preżenti sabiex jagħmlu minn kollox ħalli s-Soċjalisti Maltin jeleġġu 5 siġġijiet minn sitta.
