Lokali

Konferenza Ġenerali Annwali bla tema

Uffiċjali tal-Gvern jimblukkaw il-kameras ta' Net Television

Konferenza Ġenerali bla tema – mingħajr ebda messaġġ – nieqsa mill-ħsieb u l-viżjoni għal soċjetà aħjar – mingħajr ebda enfasi fuq il-bżonnijiet tan-nies, u b’dikjarazzjonijiet ta’ “rebħa ċerta” bħalma qal is-Sindku Laburista tal-Gżira, Conrad Borg Manche:

“Jiena nħoss li se tkun rebħa bħal ta’ qabilha u ta’ qabel ta’ qabilha.”

Il-Konferenza Ġenerali, bla tema, tal-Partit Soċjalista Malti…bdiet titlaqqa’ it-Tlieta filgħaxija, bl-ewwel avveniment isir taħt tinda f’Ħal Tarxien – lokalità li kif spjegawlna sorsi mill-qalba ta’ Kastilja, intgħażlet apposta minħabba l-qasma li hemm bejn il-kunsillieri, tant li s-Sindku preżenti mhux se jerġa’ jikkontesta.

Fost id-diversi kelliżema f’din l-ewwel sessjoni, spikka d-diskors mimli kuntradizzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn stqarr li l-pagi għolew.

Dan meta Malta kienet l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn naqsu l-pagi fit-tieni nofs tal-2018. Dan skont statistika tal-Eurostat li tgħid li f’dan il-perjodu kien hemm medja ta’ tnaqqis 0.6% fir-rata tal-paga f’pajjiżna.

Taħt it-tinda għal din l-attività, kien hemm bħala mistieden Joseph Bartolo mill-Alleanza Kontra l-Faqar, illi dak li ma qalx Muscat, qalu hu:

“Wasal iż-żmien li nibdew nieħdu ħsieb ukoll nies li huma inqas ixxurtjati minna, nies li ħierġin minn istituzzjonijiet mentali, nies li ħierġinmill-ħabs, nies li ltaqgħu ma’ problemi fil-ħajja li ma jistgħux jaffordjaw li jgħixu waħidhom. (…) Mhux kull ma jiġri fis-sitwazzjoni ekonomika huwa dejjem tajjeb. Għax l-ekonomija tista’ tiżdied minn naħa u toħloq pressjonijiet fuq setturi oħra. U qed naraw li l-iżvilupp mgħaġġel fl-industrija tal-kostruzzjoni qed joħloq pressjoni kbira fuq il-housing kemm soċjali u housing affordabbli. Illum nafu li familji b’income baxx ma jistgħux imissu l-kera u dik li ngħidulha l-middle class qed tbati biex tħallas il-kera. (…) Fl-attwalità dawn jammontaw għall-għaxriet tal-eluf, iġifieri mhumiex numri żgħar.”

Bil-Prim Ministru ma jirribatti xejn għal dawn id-dikjarazzjonijiet.

Intant, f’din l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali, l-uffiċjali tal-Gvern baqgħu il-ħin kollu quddiem il-kameras ta’ Net TV sabiex jostakolawna milli naħdmu. Din hija l-ewwel darba li dan l-istazzjon ma tħalliex jaħdem f’Konferenza ta’ dan it-tip, fejn lanqas id-diskors prinċipali ta’ Muscat ma seta’ jinqabad kollu sħiħ.