Fl-okkażjoni tal-175 sena minn meta l-Floriana saret Parroċċa kif ukoll il-100 sena mit-twelid tal-artist il-Prof. Emvin Cremona il-parroċċa San Publju b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta ser jorganizzaw akkademja mużiko-letterarja biex ifakkru dawn l-anniversarji importanti.
Kien fl-1844 meta l-parroċċa tal-Furjana inqagħtet minn ma’ dik ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta u saret parroċċa għaliha. Din is-sena wkoll qed jitfakkar għeluq il-100 sena mit-twelid tal-Prof. Emvin Cremona, artist Malti ta’ importanza li pitter is-saqaf tal-knisja ta’ San Publju fil-Floriana.
Is-serata ta’ madwar siegħa u kwart ser tkun waħda varjata ħafna b’parteċipazzjoni ta’ persuni distinti fosthom l-organista Dr. Hugo Agius Muscat, Prof. Oliver Friggieri, l-awtur Paul Ellul, Pearl Haber, l-istoriku tal-arti Dr Christian Attard flimkien ma’ Anna Cremona, bint l-artist Emvin Cremona fost oħrajn. Ser jintwera wkoll filmat qasir dwar l-istorja ta-Parroċċa.
Is-serata ser issir nhar is-Sibt 27 ta’ April fis-7.30pm fil-knisja ta’ San Publju il-Floriana. Din is-serata ser tkun qed timmarka wkoll il-ftuħ tal-festa ta’ San Publju 2019. Kulħadd mistieden.
