Internazzjonali

Sejba ta’ oqbra fl-Eġittu

Fis-siegħat li għaddew, grupp ta’ arkeologi Taljani u Eġizzjani għamlu sejba importanti ħafna max-Xatt ta’ Aswan fin-nofsinhar tal-Eġittu, fejn sabu kumpless sħiħ ta’ oqbra li jmur lura għas-seklu tlieta Qabel Kristu. L-arkeoloġisti sabu tletin mummja li kienu jinkludu kemm adulti u tfal. Fl-oqbra instabu ukoll bosta oġġetti fosthom kontenituri li fihom kien jitpoġġa l-ikel kif ukoll bosta statwi li jistgħu jagħtu ħjiel dwar l-allat li kienu meqjuma f’dak iż-żmien.

Fuq tebut li instab fl-istess żona kien hemm ukoll miktub l-isem ta’ dak li hu maħsub li kien is-sid ta’ dan il-kumpless ta’ oqbra. Instabet ukoll stretcher intatta magħmula mill-injam tal-palm li x’aktarx kienet tintuża biex jinġarru l-iġsma tal-mejta. Din it-tfittxija kienet koordinata mill-arkeologa Taljana Patrizia Piacentini.