Xahar wara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, ippublika ċifri li juru li pajjiżna reġa’ għandu żbilanċ ta’ €70 miljun minkejja l-ftaħir ta’ surplus, l-istess NSO issa ħarġet tgħid li nstab surplus u mhux żbilanċ.
Fost l-iskużi li qed iġib il-Gvern għat-taħwid fiċ-ċifri qed jingħad li dħul minn aġenziji tal-Gvern li ma kienx miżjud xahrejn ilu issa ddaħħal biex l-istampa turi surplus u mhux żbilanċ kif tħabbar xharejn ilu.
Maċ-ċifri li tħabbru din il-ġimgħa l-NSO żiedet id-dħul mill-bejgħ tal-passaporti, dħul ta’ darba biss li kull sena qiegħed jonqos u mhux jiżdied. Fil-fatt, jirrizulta illi minn surplus ta’ €250 miljun, €191 miljun kienu ġejjin mill-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. F’termini ta’ persentaġġ, l-IIP ammontat għal 76% tas-surplus dikjarat.
Iżjed ta’ tħassib hu l-fatt li s-suppost surplus qiegħed kull sena jonqos b’mod allarmanti. Fil-fatt miċ-ċifri ppubikati mill-gvern stess joħroġ ċar li kien hemm tnaqqis ta’ €186 miljun fis-surplus tas-sena li għaddiet.
Mhux ta’ b’xejn li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed dejjem tqajjem mistoqsijiet dwar dak li qed iħossu n-nies li mhux ilaħqu mal-għoli tal-ħajja u l-pagi u l-penzjoni mhux iservu biex iwasslu sa l-aħħar tax-xhar. Dan jikkuntrasta ferm ma dak li qed jiftaħar bih il-Gvern meta jgħid li reġa għandu surplus għaliex jidher ċar li s-surplus qed imur għal ftit ta’ Kastilja u mhux għand il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>