Sport Sport Ieħor

Turin se tospita l-ATP Finals mill-2021

Il-fażi finali tal-ATP Tour Finals se jimxu minn Londra għal Turin mis-sena 2021 wara li l-belt Taljana kienet dik magħżula minn ħamest ibliet. Dan l-avveniment li jtemm l-istaġun tat-tennis, se jsir f’PalaAlpitour, post li jilqa’ fih 15,000 spettatur u li ospita l-logħbiet tal-ice hockey waqt l-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2006. Londra ilha torganizza t-tournament fl-O2 Arena mill-2009 u kienet fit-taqtigħa flimkien ma’ Manchester, Singapore u Tokyo.

Iċ-chairman eżekuttiv u President tal-ATP Chris Kermode qal li l-Italja tipprovi wieħed mis-swieq tat-tennis fl-Ewropa u għandha riżultati tajbin meta organizzat avvenimenti tat-tennis f’Ruma u Milan. “Is-suċċess tal-ATP Finals hu kritiku għas-saħħa tal-ATP u nemmnu li Turin għandha l-ingredjenti kollha biex nieħdu l-avveniment it-tarġa li jmiss,” qal Kermode.

It-tournament isir kull Novembru u jinkludi l-aqwa tmien tennisti rġiel kif ukoll dawk tad-doubles skont ir-ranking tas-sena kalendarja. Novak Djokovic li hu l-President tal-Kunsill tal-Plejers tal-ATP qal li t-tournament storikament mexa minn belt għal oħra u għalhekk jinsab eċċitat li se jimxi għal Turin mill-2021. Hu żied it-tama li jkun parti mill-avveniment speċjali.