Lokali

Il-Gvern jibqa’ jinjora lill-Kummissjoni Venezja dwar il-ħatriet tal-ġudikatura

Għal darb’ oħra l-Gvern Soċjalista għażel li jibqa’ għaddej bil-ħatriet tal-imħallfin u l-maġistrati, mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, qabel ma jwettaq ir-riformi tant meħtieġa fis-sistema preżenti skont ma qalet il-Kummissjoni Venezja.

Dan tgħidu stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista u ffirmata mill-Kap tal-Partit kif ukoll Kelliem Għall-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba.

L-istqarrija tkompli tgħid li fir-rapport tagħha l-Kummissjoni Venezja għamltiha ċara li jeħtieġ li tinbidel is-sistema preżenti ta’ kif jintgħażlu l-imħallfin u l-maġistrati biex dawn tassew ikunu indipendenti. Minflok ta widen għal dak li qaltlu l-Kummissjoni Venezja, l-Gvern għal darb’oħra għażel li jaħtar imħallfin u maġistrati b’sistema li mhix tajba u li qed twassal biex il-Gvern ikollu kontroll fuq il-ġudikatura ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici mhux vera li jridu li l-ġudikatura tkun tassew indipendenti u imparzjali. Bil-kontra huma jridu li jibqa’ jkollhom kontroll assolut fuq min jiġi maħtur bħala imħallef jew maġistrat għall-interessi partiġġjani u personali tagħhom u ta’ dawk li jiffurmaw parti mill-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna, tkompli l-istqarrija.

L-Oppożizzjoni mhix se taċċetta li riformi li huma tant meħtieġa għas-saltna ta’ dritt f’pajjiżna, jinġiebu fix-xejn qabel ma jkunu biss daħlu fis-seħħ minħabba deċiżjonijiet meħuda mill-Prim Ministru u mill-Ministru għall-Ġustizzja.

L-istqarrija tgħid li l-Oppożizzjoni lanqas mhi se taċċetta li tagħti l-kunsens tagħha għal riformi fittizji li huma ntiżi biss sabiex iħallu l-kontroll f’idejn il-Gvern li qiegħed kuljum jabbuża mill-fiduċja li ngħata mill-poplu Malti u Għawdxi. L-Oppożizzjoni tfakkar li ftit tal-jiem ilu ppreżentat mozzjoni biex jitwaqqaf kumitat parlamentari biex jistudja r-rapporti tal-Greco u tal-Kummissjoni Venezja u jirrakkomanda kif jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru.

L-istqarrija ttemm tgħid li dan l-Oppożizzjoni għamlitu għaliex huwa ċar li l-Gvern mhux interessat li jagħmel il-bidliet meħtieġa. Id-deċiżjoni tal-Gvern li jaħtar imħallfin u maġistrati ġodda, mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, qabel ma jwettaq ir-riforma meħtieġa hija konferma ta’ dan kollu.