Għandu jkollna l-umiltà li nifhmu li minkejja kollox, aħna ndaqs. Għalhekk, hi sfida ewlenija ta’ kull wieħed u waħda minna li naraw li s-soċjetà tagħna tegħleb l-isfidi favur il-bniedem billi jkun magħruf il-potenzjal ta’ kull individwu.
Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt sessjoni speċjali tal-Parlament, fejn inżammet Laqgħa Għolja Ewro-Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.
Adrian Delia qal li f’ħajtu ltaqa’ ma’ persuni li għalkemm nieqsa mid-dawl, għandhom viżjoni ħafna aktar wiesgħa fil-mod kif jaħsbu. Bl-istess mod, dawk neqsin mis-smiegħ, li iżda kapaċi jħossu u jagħtu kas aktar minn oħrajn.
Fost l-oħrajn, iltaqa’ wkoll ma’ minn għandu problemi ta’ mobbiltà, iżda li kapaċi jiġru fil-viżjoni tagħhom aktar minn lkoll flimkien.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella biex nifhmu u nitkellmu dwar id-diżabbiltà tas-soċjetà li mhux kapaċi tifhem lil kull individwu. Huma aħna l-iżvantaġġjati jekk naħsbu li għandna nservu biss lil min aħna nqisu bħala normali, tenna Adrian Delia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu l-obbligu tagħna, bħala soċjetà, komunità u leġislaturi, li naraw li jkun hemm l-istrutturi leġislattivi meħtieġa u abbiltajiet tajbin għal kull individwu.
//= $special ?>