Lokali

F’jumejn inġabru 61,206 vot għall-MEPs

Fl-ewwel jumejn tat-tqassim tal-voti inġabru 61,206 vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Sa issa, il-Pulizija qassmu wkoll 62,770 għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kummissjoni Elettorali appellat ukoll lil dawk il-votanti li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, illi jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, fin-Naxxar jew fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex, minn nhar it-Tnejn li ġej biex jieħdu l-ġurament stipulat. 

Il-ħinijiet huma kif ġej –

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sas-1.30pm u mit-3pm sas-7pm.            

Sibtijiet u Ħdud mit-8am sa nofsinhar.

It-terminu legali biex isiru dawn l-applikazzjonijiet bil-ġurament huwa sa nofsinhar tal-Ġimgħa, is-17 ta’ Mejju.

Kull applikant għandu jieħu l-Karta tal-Identità jew tar-Residenza tiegħu.