Lokali

“Ħdimt ħajti kollha għalxejn” – kliem is-sid ta’ wieħed mill-appartamenti li ġġarfu

Arkivji

Imbikkma, b’ħarsa li donnha lanqas trid temmen dak li qed tara quddiemha – Caroline tipponta lejn ħajt li baqa’ wieqaf u li fuqhom għad hemm imdendla inkwatri tal-Ħniena Divina, tal-Madonna ta’ Lourdes u tal-Familja Mqaddsa.

Kien propju bis-saħħa ta’ Caroline li sitta min-nies u kelb ma sfawx midfuna taħt it-terrapien tal-binja li ġġarfet l-Erbgħa filgħaxija fi Gwardamanġa.

Għall-ħabta tal-10.30 ta’ filgħaxija, Caroline semgħet ħoss qawwi u staqsiet lil żewġħa li kien rieqed ħdejha jekk kienx sema’ l-ħoss, iżda ftit tas-sekondi wara instema’ ħoss ferm aktar qawwi u saħansitra deher terrapien nieżel minn bejn il-ħitan.

Caroline u żewġha ħarġu jiġru mill-appartament tagħhom. F’idejhom kellhom biss il-mobile. Magħhom, il-kelb tal-koppja.

Huma bdew iħabbtu mal-bibien tal-ġirien u jgħajjtu “oħorġu oħorġu”.

It-tlett koppji li kienu fil-binja dak il-ħin ħarġu biss ftit minuti qabel ma raw il-binja tikkrolla quddiem għajnejhom.

“Ħdimt ħajti kollha għalxejn” bkiet Caroline, wieqfa quddiem ix-xena ta’ dik li xi darba kienet darha, u li issa ma hi xejn għajr munzell ġebel u terrapien.

Fl-erba’ appartamenti fil-binja kienu joqgħodu tlett koppji u raġel ieħor, li fil-ħin tal-inċident ma kienx fl-appartament.

Ir-residenti kollha żgur li jistgħu jgħodduha b’waħda, għax li kieku ma kienx għal Caroline, wisq probabbli llum mhumiex magħna.

Iżda minn din it-traġedja ħarġet ukoll il-qalb kbira tal-ġirien u l-ħaddiema tal-forzi tal-ordni, li għalihom, ir-residenti tal-binja mġarrfa ma kellhomx għajr kliem ta’ tifħir, kemm għal dawk li joqgħodu fil-madwar u li mal-ewwel offrew dak kollu li setgħu, kif ukoll għall-pulizija, il-membri tal-RIU u dawk tas-CPD u l-istaff mediku li rrikorrew fil-post f’ħin qasir biex jagħtu l-assistenza.

Dwar dan il-każ għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.