Lokali

Il-Kamra tal-Periti tiġbed l-attenzjoni dwar nuqqasijiet gravi fir-regolamenti tal-kostruzzjoni

Wara ż-żewġ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni li seħħew ilbieraħ fis-Swieqi u Gwardamanġa, il-Kamra tal-Periti ma tistax ma tiġbidx l-attenzjoni dwar in-nuqqasijiet gravi fir-regolamenti dwar il-bini u l-kostruzzjoni.

Dan qalitu l-Kamra tal-Periti fi stqarrija maħruġa llejla fejn qalu li ilhom is-snin jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex jirregola l-industrija, dan permezz kemm ta’ stqarrijiet irrappurtati fil-media, kif ukoll f’laqgħat ma’ Ministri u Segretarji Parlamentari responsabbli.

In-numru ta’ inċidenti fil-kostruzzjoni f’pajjiżna, sew dawk li jirriżultaw fi ħsarat lill-propjetà ta’ ġirien, sew dawk fi mwiet jew ferimenti, mhuwiex aċċettabbli. Il-kumplessità tal-binjiet tal-lum, iggravati bil-kilba li hawn bl-industrija li twettaq kemm jista jkun proġetti fl-inqas żmien possibbli, titlob bidla totali u urġenti fil-proċess tar-regolamentar tal-bini u l-kostruzzjoni.

Il-Kamra tal-Periti tkompli tgħid li l-liġi preżenti ta’ Malta hija kkaratterizzata bi qsim eċċessiv ta’ responsabbiltajiet.

Artiklu 1638 tal-Kodiċi Ċivili jgħid li “jekk binja jew struttura ta’ ġebel eretta b’kuntratt tal-bini, fi żmien 15-il sena mill-ġurnata ta’ meta ntemm il-bini tal-istess struttura, sħiħa, jew in parti, tkun ta’ periklu ċar li taqa’, minħabba difett fil-kostruzzjoni jew anke minħabba difett fuq l-art, il-perit u l-kuntrattur jinżammu responsabbli.”

L-istqarrija tgħid li l-artiklu fl-Kodiċi Ċivili ma jistabbilixxix linja ċara ta’ responsabbilta, li ħafna drabi jiġu deċiżi mill-Qrati meta jinqalgħu inċidenti, skont iċ-ċirkostanzi partikolarti tal-każ. Iktar minn hekk, filwaqt li l-Periti għandhom warrant professjonali u huma suġġetti għal-Kodiċi ta’ Mġieba Professjonali, il-kuntratturi mhumiex regolati. Din hija ta’ tħassib b’mod speċjali f’kuntratturi ta’ twaqqigħ u tħaffir. In-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni tfisser li kull min għandu impjant ta’ demolizzjoni jew skavar jista’ jagħmel dan ix-xogħol, minghajr taħriġ bażiku, għarfien tekniku u assikurazzjoni.

Il-Kamra tal-Periti tkompli tgħid li l-Avviż Legali LN71 ta-2013 Ir-Regolamenti Dwar L-Iskansament ta’ Danni lil Propjetà ta’ Terzi ipoġġi r-responsabbità tal-infurzar tal-implimentazzjoni ta’ metodi ta’ xogħol maħruġa minn Perit li jindikaw metodi ta’ kostruzzjoni, fuq site manager appuntat mill-iżviluppatur u fuq il-kuntrattur li jkun qed jagħmel ix-xogħlijiet. Regola 10 tgħid “ir-responsabbiltà professjonali dwar l-istatement tal-metodu tibqa’ fuq il-perit li jippreparah filwaqt li r-responsabbilta finali sabiex ix-xogħlijijet iżommu ma’ dan l-istatement taqa’ fuiq is-site manager u l-kuntrattur.

Għal darboħra, r-regolamenti ma jistabbilixxux it-taħriġ minimu bażiku jew il-kompetenzi mitluba mis-site managers, lanqas dwar ħiliet bażiċi bħall lletteriżmu. Ir-regolamenti jagħtu lok li żviluppatur jieħu fuqu l-irwol ta’ site manager, f’dak li hu kunflitt ċar ta’ interess sanzjonat mil-liġi. Filfatt, jekk l-iżviluppatur jonqos milli jappunta site manage, ir-regolamenti jippresumu li l-iżviluppatur qiegħed ipso facto jġorr ir-reponsabbiltà ta’ site manager.

L-istqarrija tgħid li meta żewġ partijiet importanti fl-industrija mhumiex mistennijja li jkollom kompetenzi bażiċi u huma totalment neqsin minn regolamentazzjoni, il-pubbliku huwa espost għal riskji li huma għoljin b’mod inutli u inaċċettabbli.

Il-Kamra tal-Periti qegħda ssejjaħ għal bdil totali tal-qafas regolatorju. Ġimgħatejn ilu, il-Kamra kellha laqgħat mal-Gvern dwar il-proposti ddettaljati tagħha dwar ir-regolamentar tal-industrija, sabiex tiġi konformi ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Dawn il-proposti se jkunu ppubblikati fil-ġranet li ġejjin.

Il-Kamra tal-Periti temmet l-istqarrija billi qalet li mhux se tikkummenta dwar dawn jew każi speċifiċi oħra sakemm ma jintemmu l-investigazzjonijiet, sabiex ma jippreġudikawx il-proċeduri.