Lokali Saħħa

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għal kura medika deċenti għall-Maltin

Jeħtieġ reviżjoni tal-proċess tax-xiri tal-mediċini

“Qed nitkellmu biss dwar it-tip of the iceberg” Hekk stqarr il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech dwar is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna għal dak li għandu x’jaqsam mall-mediċini li qed jagħti l-Gvern. Kliem li intqal lilu minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Dan wara li fl-aħħar ġimgħat persuni li jagħmlu użu minn mediċini biex jikkontrollaw il-kundizzjoni tal-ADHD, servew ta’ guinea pigs għall-Gvern meta ingħataw mediċina differenti minn dik li kienu jingħataw qabel.

Tfal u adulti, li kienu jużaw il-mediċina Concerta sabu li minflokha kellhom jibdew jużaw il-Xenidate, b’konsegwenza li tfal sofrew deterjorazzjoni fl-imġieba tagħhom, u adulti li minħabba n-nuqqas ta’ effettività tal-kura saħansitra tpoġġew f’riskju li jitilfu xogħlhom.

Din il-ġimgħa stess filfatt, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ammetta li din il-mediċina kienet irħad minn dik li kienet tingħata preċedentement.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet Francis Zammit Dimech qal li din is-sitwazzjoni hija komuni għal ħafna aktar mediċini u qed ikollha effett negattiv fuq il-pazjenti, fosthom dawk li jbatu bid-dijabete.

Semma wkoll il-fatt li l-Gvern għadu qed jagtħi t-titqiba l-antika ta’ kontra l-kanċer ċervikali li tkopri biss 2 tipi ta’ kanċer, filwaqt li pajjiżi oħra qed jagħtu vaċċin li jkopri disa’ tipi.

Fi kliem id-deputat Stephen Spiteri, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jiġu reveduti l-proċeduri tax-xiri tal-mediċini hekk kif jidher li l-mod kif qed isir il-procurement qed ikun eżerċizzju ta’ kif il-Gvern, li tant ilu jiftaħar bis-surplus, qed jixxaħħaħ b’mod tal-misthija f’qasam tant sensittiv.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa jaħdem biex jassigura li l-poplu Malti jirċievi l-aħjar kura u servizz mediku possibbli, ladarba pajjiżna nħakem minn Gvern li ma jimpurtahx.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista Fredrick Aquilina fuq il-lokalità ta’ Ħal Luqa, Mark Spiteri Lucas fuq il-Belt Valletta u Christianne Mifsud fuq l-Imtarfa.