Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar sitt ħatriet oħra fil-ġudikatura. Il-Maġistrati Aaron Bugeja, Francesco Depasquale u Joanne Vella Cuschieri kienu nominati bħala Mħallfin filwaqt l-Avukati Victor Axiak, Nadine Lia u Bridget Sultana kienu nominati bħala Maġistrati.
B’dawn in-nomini, il-Gvern injora id-diversi sejħiet li saru mis-soċjeta’ ċivili sabiex ma jkomplux isiru ħatriet sakemm ikunu implimentati ir-riformi fil-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura kif rakkomandati mill-Kummissjoni Venezja. Din il-Kummissjoni irrimarkat kif hemm wisq poteri li huma konċentrati f’idejn il-Prim Ministru, partikolarment fejn jidħol il-ħatriet ta’ Mħallfin u Maġistrati
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprovdi li l-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru mill-President ta’ Malta fuq parir tal-Prim Ministru. Dan ma nbidilx fl-emendi tal-2016.
Li nbidel hu li n-nomina tal-Prim Ministru tkun evalwata minn Kumitat ta’ evalwazzjoni tal-ħatriet fil-ġudikatura li hu magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Madanakollu, il-Prim Ministru jista’ jinjora l-evalwazzjoni ta’ dan il-Kumitat u jibqa’ għaddej bin-nomina tiegħu u jagħti raġunijiet għalfejn qed jinjora r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat b’avviż fuq il-Gazzetta tal-Gvern u stqarrija Ministerjali fil-Parlament. Li jfisser li ghalkemm issa hemm saff ta’ skrutinju, in-nomina u d-decizjoni ahharija xorta ghadha f’idejn il-Prim Ministru u fil-prattika, ma reħa l-ebda setgħa
B’dawn il-ħatriet, in-numru ta’ Mħallfin hu ta’ 24 filwaqt li n-numru ta’ Maġistrati hu ta’ 22. F’dawn il-jiem jirtira l-Imħallef Silvio Meli filwaqt li iktar tard din is-sena, l-Imħallef Lorraine Schembri Orland se tieħu postha bħala l-Imħallef minn Malta għall-Qorti Ewropea Għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.
//= $special ?>