Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttuta u Proġetti Kapitali u mill-Ministeru ghall-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, il-Gvern qal li qed jiġbor informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kollha dwar l-inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija li fih iġġarrfet blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa.
L-istqarrija tgħid li dwar dan il-każ għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-pulizija u li mill-informazzjoni li qed tasal, skont il-Building Regulations Office jidher li l-kuntrattur tal-binja li kienet għadha qed tinbena biswit il-binja li ġġarrfet kien issottometta d-dokumenti kollha meħtieġa skont il-liġi.
Skont l-istess uffiċċju jidher ukoll li ma kienx hemm rapporti fi ħdan l-istess uffiċċju kontra l-kuntrattur partikolari. L-Awtorità tad-Djar bħalissa qed tiġbor l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-familji u qiegħda fuq il-post tal-inċident fl-immedjat.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Housing Authority se toffri akkomodazzjoni alternattiva f’każ li jkun hemm bżonn. Uffiċjali mill-Building Regulations Office qegħdin ukoll jassessjaw il-post minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
//= $special ?>