Għalkemm viżibbilment skomdi, tliet esponenti tal-Partit Laburista ma kkundannawx id-dikjarazzjoni tal-eks Mexxej u llum Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u Kandidat għall-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, Alfred Sant, waqt l-attività politika tal-Erbgħa filgħaxija f’Għawdex meta qal li “sinna għal sinna, għajn għal għajn”.
Hu rrepeta din id-dikjarazzjoni negattiva kemm-il darba, tant li saħansitra rrikonoxxa li l-kumment li għadda fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat kien “vjolenti u salvaġġ”.
Iżda mistoqsija direttament dwar din id-dikjarazzjoni, id-Deputati Laburisti Edward Zammit Lewis u Alex Muscat, kif ukoll il-Kandidat għall-Parlament Ewropew Fleur Vella ma wieġbux jekk għandhomx jikkundannaw dak li qal Sant.
Minflok, l-eks Ministru u llum membru tal-Backbench Laburista qal li l-mistoqsija ta’ NET News hi pertinenti – jiġifieri f’waqtha – filwaqt li ftaħar li dan hu l-aktar Gvern meritokratiku li qatt kellu pajjiżna. Min-naħa tagħhom, Alex Muscat u Fleur Vella nħbew wara n-nuqqas ta’ tweġiba minn Zammit Lewis.
Din mhix l-ewwel darba li l-eks Mexxej Laburista uża din id-dikjarazzjoni negattiva kontra min ma jaqbilx miegħu. Sa minn meta kien għadu fit-tmexxija tal-Partit, ironikament ukoll waqt sessjoni tal-Konferenza Ġenerali, kien iddikjara li għal kull sinna nieħdu sinna u għal kull għajn nieħdu għajn.
Alfred Sant dejjem kellu kummenti pożittivi fil-konfront tiegħu mill-Mexxej Laburista attwali Joseph Muscat. U llum, ghall-kumment vjolenti u salvaġġ tal-predeċessur tiegħu, Muscat għażel li jibqa’ fommu sieket.
//= $special ?>