Il-Malta Football Association b’kollaborazzjoni mal-pulizija u l-klabbs rispettivi ħadmu arranġament għat-traffiku u għan-nies għat-tliet logħbiet li se jintlagħbu għada. L-assoċjazzjoni qed tħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali biex isegwu l-istruzzjonijiet li se jingħataw mill-istaff tal-istadium, il-persuni ta’ sigurtà u l-pulizija.
Stadium Nazzjonali (Ħamrun S. v Valletta 4.00pm)
- Il-bibien jinfetħu fis-2.00pm. Il-partitarji ta’ Ħamrun se jkunu f’West A u ta’ Valletta f’West C u Millenium D. Il-Family u Nursery Stand joqogħdu f’Millenium F.
- Il-partitarji ta’ Ħamrun Spartans għandhom jipparkjaw il-karozzi fil-West Sand (in-naħa tal-Enclosure) u ħdejn it-triq li tagħti għal Triq Durumblat. Huma għandhom jaslu ħdejn l-Istadium Nazzjonali billi jgħaddu miż-żona tal-Mosta. Il-partitarji ta’ Sliema Wanderers u Pietà Hotspurs biex jgħaddu għas-Centenary Stadium għandhom jagħmlu użu minn din id-direzzjoni.
- Il-partitarji ta’ Valletta għandhom jipparkjaw il-karozzi fin-naħa tal-Millenium Stand. Huma avżati biex jgħaddu minn Ħ’Attard b’direzzjoni lejn id-Dar ta’ Santa Katerina fi Triq Pitkali f’direzzjoni lejn l-Adventure Park u fiż-żona tal-MFCC u l-Millenium Stand.
- It-triq li tagħti għar-roundabout tal-Imtarfa ħdejn iċ-Ċimiterju Militari, sal-Kumpless tal-Basketball u l-Millenium Stand se tkun magħluqa għat-traffiku fuq ġewwa. Il-partitarji ta’ Valletta jistgħu jipparkjaw il-karozzi mat-triq li tkun magħluqa għat-traffiku fuq barra fi tmiem il-logħba.
- Kif tintemm il-logħba fl-Istadium Nazzjonali, l-ispettaturi ta’ Valletta li se jkunu fis-settur West C (Enclosure) għandhom joħorġu mill-bieb tal-Millenium D.
- Fl-eventwalità li l-kampjonat jintrebaħ minn Valletta, il-preżentazzjoni se ssir fil-VIP Stand.
Hibernians Stadium (Hibernians v Balzan 4.00pm)
- Il-bibien jinfetħu fis-2.00pm. Il-partitarji ta’ Hibernians se joqogħdu f’Side C u dawk ta’ Balzan se jkunu f’Side A.
- Il-biljetti ta’ dan il-konfront qed jinbiegħu mill-klabbs rispettivi u mhux se jkun hemm bejgħ mill-istadium. Il-partitarji fil-pussess ta’ biljett validu tal-logħba se jingħataw aċċess għaż-żona tad-dawra tal-istadium.
- Mhux se jkun hemm aċċess mar-ring road tal-Hibernians Stadium minħabba li se tkun żona pedonali s-Sibt wara nofsinhar. Il-partitarji ta’ Balzan għandhom jipparkjaw il-karozzi fiż-żona tal-Padiljun ta’ Kordin.
- Fl-eventwalità li l-kampjonat jintrebaħ minn Hibernians, il-preżentazzjoni se ssir fil-pitch.