Lokali

Flimkien infasslu pjan sostenibbli u fit-tul għal pajjiżna

“Flimkien infasslu pjan sostenibbli u fit-tul għal pajjiżna. In-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern Soċjalista qed iwassal għal sfidi kbar għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Dan b’telf ta’ ħin fit-traffiku u żidiet qawwija fl-imwiet b’mard respiratorju marbut mat-tniġġis fl-arja.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Kamra tal-Periti fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia  qal li l-pajjiż għandu bżonn pjan fit-tul, fejn jiġi deċiż fejn irridu nwasslu lil Malta u Għawdex fi żmien li ġej, u mhux biss sa għada, jew il-ġimgħa d-dieħla. Dan il-pjan fit-tul għandu jinkludi reviżjoni tar-regolamenti tal-bini biex jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna llum, u li tingħata aktar importanza lis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Adrian Delia għamel referenza wkoll għall-bżonn ta’ taħriġ għall-professjonisti f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-aqwa prattiċi kif ukoll minn teknoloġiji ġodda. Huwa qal li ċ-Chamber of Architects għandha rwol importanti fil-pajjiż, kemm fl-ippjanar kif ukoll fid-disinn ta’ dak li jkun pjanat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, il-Partit Nazzjonalista se jinsisti li qabel tittieħed id-deċiżjoni finali, jiġu ppubblikati l-istudji kollha tekniċi u b’rabta mal-ambjent, u dawk ġeoloġiċi u soċjali. Huwa qal li jeħtieġ li nassiguraw li b’dan l-investiment se jkun hemm aktar vantaġġi milli żvantaġġi.

Għal din il-laqgħa maċ-Chamber of Architects, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliema għall-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Marthese Portelli mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Trasport u Infrastruttura Toni Bezzina, mill-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio u Michael Mercieca u mill-kandidata għall-elezzjoni lokali f’San Pawl il-Baħar Graziella Galea, mill-kandidat għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Julian Borg, il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Giorgio Schembri u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħad-Dingli David Vassallo. Id-delegazzjoni tal-Kamra tal-Periti kienet immexxija mill-President Simone Vella Lenicker.