TARXIEN RAINBOWS………….. 0 FLORIANA………….. 3
Tarxien: M. Buhagiar, D. Mambouana (M. Brincat 41’), J. Cruz Gill, L. Grech, M. Tabone, M. Spiteri, G. Aquilina, A. De Barros (D. Vassallo 74’), S. Eddin Arab, M. Ciantar (A. Agius 67’), M. Paolucci
Floriana: M. Grech (J. Spiteri 55’), E. Herrera, E. Ruiz, J. Pisani (I. Galea 64’), A. Oyama, C. Borg, U. Arias, E. Cesani, B. Paiber, K. Keqi (B. Bray 74’), T. Galvao da Silva
Skorjaw: T. Galvao da Silva 2’, A. Oyama 12’ (F)
Referee: Alex Johnson
Assistenti Referees: Theodore Zammit, Darko Stankovic
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Arthur Oyama (Floriana)
Floriana temmew staġun deludenti fuq nota pożittiva b’rebħa ta’ 3-0 fuq Tarxien Rainbows. Ir-rebħa tagħhom qatt ma kienet f’periklu hekk kif ħadu l-vantaġġ kmieni fil-logħba, b’Tarxien ma jkunux perikolużi.
L-ambizzjonijiet tal-Furjaniżi kienu ferm differenti mill-klassifika finali iżda l-prestazzjonijiet kienu ftit aħjar fit-tieni rawnd. Tarxien għalqu l-kampjonat bi tliet telfiet fl-aħħar erba’ konfronti u reġgħu salvaw posthom mal-kbar għal 11-il staġun konsekuttiv. Issa jitfgħu l-attenzjoni għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy kontra Balzan.
Floriana fetħu l-iskor fil-bidu tal-logħba meta l-gowlkiper Maverick Buhagiar waqqa’ fil-kaxxa lil TIAGO GALVAO DA SILVA, bl-istess plejer jiskorja mill-penalty. Fil-11-il minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Edward Herrera ġie mdawwar f’korner minn Maverick Buhagiar. Mill-istess korner Floriana rduppjaw b’Tiago Galvao da Silva iqassam lura lejn ARTHUR OYAMA li b’xutt fil-baxx għadda l-ballun taħt idejn Buhagiar.
Wara dan il-gowl, Floriana baqgħu jikkontrollaw il-logħba, b’Tarxien jonqsu li jkunu perikolużi u kienu l-Furjaniżi l-aktar li resqu viċin il-gowl. L-istess andament kompla fit-tieni taqsima hekk kif it-Tarxiniżi kienu mingħajr kreattività fil-fażi offensiva. Fit-52 minuta, Buhagiar dawwar f’korner xutt minn barra l-kaxxa ta’ Brandon Paiber. Mill-istess korner, Ruiz għadda bir-ras lejn Arthur Oyama li ġiegħel lil Buhagiar idawwar f’korner b’diffikultà.
Tarxien kellhom ċans li jidħlu fil-logħba fit-80 minuta meta Michele Paolucci spiċċa bil-ballun f’qagħda ideali u qassam fuq ix-xellug lejn Andrew Agius iżda x-xutt fuq il-ġirja kien salvat tajjeb mis-sostitut Justin Spiteri. Floriana għamluhom tlieta fit-88 minuta meta s-sostitut Brandon Bray għadda passaġġ intelliġenti fl-ispazju fuq in-naħa leminija lejn EDWARD HERRERA li minn qagħda ideali spara wara Buhagiar.
//= $special ?>