Lokali

Il-Gvern Soċjalista jibqa’ jinjora lil kull min għadda minn inġustizzja fil-promozzjonijiet fl-armata

Wara li r-rapport tal-Ombudsman ikkonferma l-abbużi tal-Gvern Laburista fl-għoti tal promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta, wieħed kien jistenna li tintrefa’ r-responsabbilità politika u li ssir ġustizzja ma min inqabeż fil-promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta. Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Il-Gvern Soċjalista diġà qiegħed tard biex jara li ssir ġustizzja ma’ dawk il-membri tal-Forzi Armati li sofrew inġustizzja u li nqabżu fil-promozzjonijiet sempliċement għaliex m’humiex qrib il-Prim Ministru, xi Ministru jew tal-Partit Soċjalista. Il-Gvern Soċjalista qed jibqa’ jinjora għal kollox ir-rapport tal-Ombudmsan u naqas għal kollox milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport.

Beppe Fenech Adami qal li r-rapport tal-Ombudsman dwar il-Forzi Armati ta’ Malta huwa ċertifikat ieħor li l-istituzzjonijiet inħatfu mill-Gvern Soċjalista b’theddida għad-demokrazija u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-fatt li baqgħet ma ttiħdietx azzjoni juri li l-Gvern Soċjalista mhux veru jrid idaħħal it-tibdil li qed jgħidulu l-Kummissjoni Venezja u l-Greco. Filfatt kien l-Ombudsman stess li qal kif l-awtoritajiet pubbliċi qed jinjoraw jew ifallu milli jattwaw r-rakkomandazzjonijiet li talab.

Dione Borg qal li quddiem Gvern Soċjalista li ma jimpurtahx, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi u t-tarka għal min ibati mill-inġustizzji u se jibqa’ determinat li jixpruna għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, għal istituzzjonijiet li jkunu verament indipendenti mill-ħakma tal-Gvern u biex jiġi indirizzati l-inġustizzji.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg kien hemm preżenti wkoll l-kandidata ghall-elezzjoni lokali fis-Swieqi Mary Anne Abela, il-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Mellieħa Gabriel Micallef u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Martin Musumeci.