Liverpool reġgħu jinsabu momentarjament fil-quċċata wara li kisbu rebħa faċli ta’ 5-0 fuq Huddersfield. Ir-rebħa għall-isfidanti bdiet tieħu l-forma wara ftit sekondi u minn hemm setgħu jikkontrollaw mingħajr diffikultà kontra tim li diġà hu relegat.
It-tim ta’ Jurgen Klopp kellu bżonn biss 15-il sekonda biex fetaħ l-iskor meta minn żball difensiv ta’ Huddersfield, Mohamed Salah qassam lejn Naby Keita li minn pożizzjoni ideali skorja minn quddiem il-lasta. L-iskor sar 2-0 fit-23 minuta bi kross preċiż mix-xellug ta’ Andy Robertson lejn Sadio Mane li waħdu għeleb lil Jonas Lossl b’daqqa ta’ ras b’saħħitha. Huma skorjaw it-tielet gowl fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima wara li Mohamed Salah irċieva ballun fit-tul u b’kalma u preċiżjoni qabbeż fuq Lossl.
Liverpool skorjaw ir-raba’ gowl fis-66 minuta meta din id-darba kien Jordan Henderson li bi kross mil-lemin serva lil Sadio Mane li reġa’ skorja b’daqqa ta’ ras li din id-darba ntemmet fir-rokna. Mohamed Salah issiġilla r-rebħa fit-83 minuta, bl-Eġizzjan ikompli għal ġewwa kross preċiż ta’ Andy Robertson, biex bil-gowls tal-lum tela’ waħdu fil-quċċata tal-aqwa skorers.
Liverpool jonqoshom jilagħbu barra minn darhom kontra Newcastle u f’Anfield kontra Wolves. Fuq in-naħa l-oħra, Manchester City jilagħbu barra minn darhom kontra Burnley, f’darhom kontra Leicester u barra minn darhom kontra Brighton.
//= $special ?>