Il-kumpanija SR Technics hija xhieda ċara ta’ investiment li kien maħsub biex verament joħloq valur miżjud fl-ekonomija tagħna; investiment li twieled fl-2010 f’settur li ħoloq Gvern Nazzjonalista.
Dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar il-hanger tal-SR Technics f’Ħal Safi bħala parti mill-attivitajiet tal-PN marbuta ma’ Jum il-Ħaddiem.
Mal-wasla tiegħu l-Kap tal-PN intlaqa’ mill-General Manager Arthur Magri kif ukoll mill-Viċi President Daniel Galea.
Adrian Delia sostna li dan huwa investiment li issa wasal fl-għaxar sena tiegħu. Dan meta għaxar snin ilu kien Gvern Nazzjonalista li witta t-triq biex illum il-ġurnata SR Technics tħaddem madwar 300 ħaddiem.
Permezz ta’ dan l-investiment irnexxielna niġbdu lejn pajjiżna investituri ġodda, u għalhekk hemm bżonn li dan is-settur ikompli jissaħħaħ.
Adrian Delia kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ mal-ħaddiema ta’ din il-kumpanija fejn innota kif f’25 ġurnata dawn it-tekniċi jżarmaw ajuruplan, jiċċekkjawh biċċa biċċa u jagħtu l-assigurazzjoni li jkun lest għal titjira oħra.
Preżenti għal din iż-żjara flimkien ma’ Adrian Delia kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder, il-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonaista Ivan Castillo, il-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila u David Stellini, kif ukoll numru ta’ kandidati għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
L-1 ta’ Mejju qed ikun imfakkar fl-isfond ta’ thassib kbir dwar il-pjan ekonomiku tal-Gvern, partikolarment wara li ċifri uffiċjali tal-NSO ikkonfermaw li d-deficit irdoppja – u l-għajta tas-surplus sfumat fix-xejn.
Skont l-NSO, fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-deficit spara ‘l fuq, u laħħaq il-€134 miljun. Dan l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat ikopri l-perijodu Jannar-Marzu 2019.
Iċ-ċifri juru fost l-oħrajn li kompliet tisplodi n-nefqa tal-Gvern, filwaqt li d-dejn żdied bi €42 miljun.
//= $special ?>