Futbol Sport

Qormi jissieltu iżda jkollhom isellmu l-Kampjonat Premier

(Ritratt: Domenic Aquilina)

QORMI…………………….. 1 MOSTA………………………. 1

Qormi: D. Cassar, M. Micallef, D. Mansi, L. Santana, A. Abela, Y. Yankam, J. Mboyo (T. Gusman 67’), W. de Oliveira, F. Gnindokponou (A. Cassar 46’), A. Rozzi (L. Farrugia 83’), M. Bangoura

Mosta: Y. Moto, M. Sammartino, B. Jnohope, T. Farrugia, R. Ekani, G. Cuomo, D. Xuereb (D. Bonnici 79’), A. Roach, D. Imeri (K. Frendo 79’), J. Brincat, Z. Brincat (L. Portelli 85’)

Imwissija: Z. Brincat 59’ (M), Y. Yankam 89’ (Q)

Skorjaw: J. Brincat 62’ (M), T. Gusman 75’ (Q)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Jurgen Spiteri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Akeem Roach (Mosta)

Attendenza: 547

Il-miraklu żgħir li pruvaw jagħmlu Qormi ma seħħx hekk kif ma rnexxielhomx jirbħu l-aħħar logħba kontra Mosta filwaqt li St. Andrews rebħu kontra Gżira United. Fl-aħħar tliet logħbiet kisbu seba’ punti u lejn tmiem Jannar ħadmu biex isaħħu l-iskwadra iżda spiċċa biex kien tard wisq. Mosta għalqu kampjonat pożittiv hekk kif taħt it-tmexxija ta’ Mark Miller kellhom prestazzjonijiet pożittivi li jagħtuhom kuraġġ għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy kontra Birkirkara.

Qormi ħolqu l-ewwel periklu wara tliet minuti b’xutt potenzjalment perikoluż ta’ Yannick Yankam ikun blokkat mid-difiża Mostija, biex fil-11-il minuta daqqa ta’ ras ta’ Jordy Lokando kienet imdawra f’korner minn Yves Moto. Mosta setgħu marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta meta minn korner ta’ James Brincat, id-daqqa ta’ ras ta’ Tyrone Farrugia kienet dgħajfa u salvata minn David Cassar. Tliet minuti wara free-kick ta’ Antonio Rozzi għadda ftit għoli.

Ċans tajjeb għal Qormi fis-26 minuta bil-gowlkiper Moto jkun protagonist meta l-ewwel blokka parzjalment kross mil-lemin, salva l-ewwel xutt fuq Malela Bangoura u dawwar f’korner xutt ta’ Wellington de Oliveira. Ftit wara n-nofs siegħa logħob, Denis Imeri u James Brincat ittantaw xortihom b’xuttijiet minn barra l-kaxxa iżda ma nkwadrawx il-lasta. David Cassar dawwar f’korner xutt fuq l-ewwel lasta ta’ Akeem Roach fit-38 minuta biex fuq in-naħa l-oħra Rozzi seta’ għamel aħjar minn qagħda ideali wara kross mil-lemin. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt fil-baxx ta’ Akeem Roach għadda ftit barra.

Qormi fetħu t-tieni taqsima jfittxu l-gowl u fit-53 minuta Yankam sab fuq in-naħa lil Rozzi li prova b’konklużjoni akrobatika li ġiet salvata minn Moto qabel seta’ jilħaq Bangoura. Mosta fetħu l-iskor fit-62 minuta b’azzjoni personali ta’ JAMES BRINCAT li ħabbat il-ballun ma’ Rodriguez Ekani u wara li evita xi difensuri għeleb lil Cassar minn quddiem il-lasta.

Qormi dehru demoralizzati sakemm kwarta mit-tmiem Mano Micallef falla mill-qrib mill-viċin wara korner ta’ Yannick Yankam. Madankollu ftit sekondi wara ġabu d-draw b’azzjoni ta’ Micallef li qata’ lura bi kross fil-baxx mix-xellug lejn TENSIOR GUSMAN li kompla għal ġewwa mill-ewwel. Il-Qriema kellhom ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ żewġ minuti wara meta ngħataw penalty għal azzjoni personali ta’ Micallef li għadda min-nofs u twaqqa’ fil-kaxxa minn Tyrone Farrugia. Inkariga ruħu l-istess Micallef iżda x-xutt fil-baxx jgħaddi barra.

Qormi għal ftit ma marrux fil-vantaġġ b’xutt ta’ Antonio Rozzi li kien imxellef u spiċċa ftit barra. It-tim ta’ Mario Muscat kien żbilanċjat ifittex il-gowl u fit-88 minuta setgħu sofrew it-tieni gowl iżda David Cassar dawwar f’korner bi bravura xutt ta’ Roach. Fil-91 minuta, Moto spikka għal Mosta meta salva minn qagħda tajba xutt ta’ Gusman. L-isforzi fl-aħħar minuti ta’ Qormi kienu inutli biex mat-tisfira finali ħareġ id-diżappunt fuq il-plejers u l-istaff ta’ Qormi li ma rnexxielhomx isalvaw posthom.