Futbol Sport

Senglea se jerġgħu jilagħbu fil-Premier wara rebħa fuq Birkirkara

(Ritratt: Matthew Tabone)

BIRKIRKARA…………… 2 SENGLEA ATHLETIC ……………… 3

Birkirkara: A. Hogg, D. Chapoval, M. Vella, J. Bezzina, C. Failla (E. Dos Santos Ferreira 59’), M. Mifsud, G. Bugeja, T. Agius, P. Mbong (C. Zammit Lonardelli 71’), T. De Souza (A. Attard 82’), J. Pereira Da Silva

Senglea: M. Farrugia, T. Marukawa, S. El Mehdy, Z. Cassar, L. Grech (L. Mallia 88’), R. Silva Santos, B. Volpini (B. Schembri 74’), D. Venancio, G. Camilleri, M. Garcia, A. Mrsulja

Imwissi: M. Vella 90’ (B)

Skorjaw: J. Pereira Da Silva 19’, M. Mifsud 89’ (B) D. Venancio 48’, M. Garcia 75’, L. Grech 84’ (S)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: William Debattista, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Diego Venancio (Senglea Athletic)

Rapport: Keane Cutajar

Għat-tieni staġun konsekuttiv, Senglea Athletic irnexxielhom iżommu posthom mal-kbar fejn wara li kellhom bidu ħażin fl-istaġun, għamlu rimonta tajba ħafna fit-tieni parti tal-kampjonat u b’tim pjuttost mibdul għelbu sfida serja biex aċċertaw li staġun ieħor jergħu jkunu fil-Kampjonat Premier. Min-naħa l-oħra, Birkirkara sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva f’dak li kien staġun diżappuntati li jista’ jkun kien kawża ta’ ħafna tibdil fit-tmexxija.

Fl-ewwel taqsima, rajna biss azzjoni waħda li waslet mit-tim ta’ John Buttigieg filwaqt li fit-tieni taqsima t-tim tal-Isla ħareġ b’aktar grinta u għal ħafna ħin kienu fuq l-offensiva. Birkirkara fetħu l-iskor fl-ewwel u fl-unika azzjoni denja ta’ nota tal-ewwel taqsima. Kontrattakk veloċi fid-19-il minuta, mibdi minn Terence Agius man-naħa tax-xellug, spiċċa bil-ballun għand Micheal Mifsud li kien f’tarf il-kaxxa fuq in-naħa tal-lemin. L-internazzjonali Malti kkrossja b’saħħtu lejn in-nofs fejn kien hemm JORGE PEREIRA DA SILVA li ltaqa’ mal-kross fuq il-ġirja biex tefa’ wara Matthew Farrugia mill-viċin.

Appena fetħet it-tieni taqsima, Stefan Pace saffar għal penalty meta nnota li plejer ta’ Birkirkara mess il-ballun b’idu fil-kaxxa u kien hawnhekk, fit-48 minuta li mill-11-il metru DIEGO VENANCIO skorja l-gowl tad-draw. Fl-54 minuta, Senglea għal ftit ma għamluhomx tnejn hekk kif Gary Camilleri għadda lejn Leighton Grech li bil-ġirja daħal fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu bid-dawra għadda ċentimetri barra mil-lasti ta’ Andrew Hogg.

Venancio ttanta xortih minn barra l-kaxxa minuta wara iżda x-xutt b’saħħtu tiegħu kien ċentrali u faċli għal Hogg li għalkemm ra l-ballun jaħbat quddiemu, xorta żamm tajjeb. Danilo Chapoval għamel simili fit-58 minuta hekk kif l-istess għamel Farrugia li salva b’kumdità. Mas-siegħa logħob, il-gowlkiper ta’ Birkirkara mblokka tajjeb ix-xutt tal-plejer misluf għand Senglea mingħand l-istess Birkirkara, Zachary Cassar, wara li dan tal-aħħar kien żmarkat tajjeb minn Venancio.

It-tim ta’ Vincenzo Potenza kompla jfittex il-gowl tal-vantaġġ u tmien minuti wara, Braian Volpini żmarka lil Romulo Santos Silva, li minn pożizzjoni angolata xxuttja iżda għal darba oħra, Senglea kienu mċaħħda minn Hogg. Wara ħafna tentattivi, Senglea marru minn fuq meta kien għad fadal kwarta logħob. MATIAS GARCIA kien l-aħħar li miss l-ballun wara taħwida fil-kaxxa ż-żgħira, ballun li qabeż il-linja bi ftit, qabel ma nstemgħet it-tisfira tar-referee li aċċertat minn dan.

Fit-83 minuta, Stefan Pace saffar għat-tieni penalty tal-logħba wara li Gianluca Bugeja għamel fawl li seta’ ġie evitat fil-kaxxa. Kien hawn li l-plejer tal-logħba, Venancio, ċeda l-ballun lill-eks Birkirkara LEIGHTON GRECH, li għeleb lil Hogg b’xutt fil-baxx fuq ix-xellug. Fl-aħħar żewġ azzjonijiet tal-logħba, Matthew Farrugia ċaħħad lil Johann Bezzina mill-free-kick b’save stupend li bih dawwar f’korner fit-88 minuta. Mill-korner, Birkirkara naqqsu d-distakk hekk kif MICHAEL MIFSUD skorja t-tieni gowl għat-tim tiegħu.