Futbol Sport

Sirens jiċċelebraw ir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni b’rebħa minima fuq Swieqi

(Ritratt: Domenic Aquilina)

SIRENS ………………… 1 SWIEQI U …………….. 0

Sirens:  M. Montfort, K. Farrugia, R. Mandic, D. Sant, R. Grech (G. Gesualdi 46’), M. Del Negro, M.A. Morgon Filho, A. M. Bustos (L. Mijic 70’), C. Gauci, I. Adeshina, R. Fenech (I. Schembri 88’).

Swieqi: E. Gatt, J. Cassar, M. Attard, K. Muscat, K. Sultana, G. Bugeja (I.A. Margarit 65’), S. Bugeja, S. Ibrahim, M. Farrugia, T. Ayorinde (L. Zammit 84’), L. Scicluna (S. Grech 72’).

Referee: Philip Farrugia

Iċ-champions il-ġodda Sirens kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Swieqi fl-aħħar logħba tal-kampjonat, kampjonat li t-tim ta’ Vince Carbonaro rebaħ meritatament. Sirens kellhom jistennew sa ħames minuti mit-tmiem biex kisbu l-aħħar rebħa tal-istaġun, grazzi għal penalty skorjat minn Morgon Filho.

L-ewwel periklu kien fuq in-naħa ta’ Swieqi fejn Ayorinde spara għoli minn qagħda tajba u risposta ta’ Sirens ftit wara b’daqqa ta’ ras ta’ Morgon Filho tmur ftit barra. Il-logħba kien iktar tixbah logħba ta’ ħbiberija fejn il-plejers ta’ Sirens ftit dehru konċentrati.  Iżda wara l-ewwel għoxrin minuta  Sirens bdew jieħdu iktar kontroll tal-logħba anki jekk impenjaw lil Gatt b’tentattiv fjakk ta’ Morgon Filho. Fit-28 minuta kontrattakk ta’ Swieqi u xutt ta’ Kyle Muscat imblukkat minn Montfort.

It-tieni taqsima kienet iktar movimentata u fit-58 minuta Sirens viċin il-gowl tal-vantaġġ meta xutt ta’ Morgon Filho kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Kristian Sultana. L-istess Sultana resaq qrib għal Swieqi ftit wara b’xutt li mar ftit barra. Fit-62 minuta xutt ta’ Bustos u save tajjeb ta’ Gatt. Tnax-il minuta mit-tmiem Ayorinde għadda tajjeb fuq ix-xellug iżda xeħet għoli. Ħames minuti mit-tmiem Daniel Sant kien imbuttat u deher jaqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru kien MORGON FILHO li spara fix-xibka.

Fi tmiem il-logħba saret il-preżentazzjoni tat-trofew ta’ champions tal-Ewwel Diviżjoni u bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Sirens għal din il-paġna storika tal-klabb minn San Pawl il-Baħar.