Futbol Sport

St. Andrews jiksbu l-punti li kellhom bżonn biex salvaw temporanjament

ST. ANDREWS……………… 1 GŻIRA UNITED………………….. 0

St. Andrews: M. Calleja Cremona, J. Walker, K. Magro, T. Blagrove, A. Satariano (A. Borg 64’), K. McFarlane, J. Farrugia (R. Martin 73’), L. Sciberras, M. Davis (K. Reid 83’), A. Friggieri, M. Woo Ling

Gżira: A. Curmi, R. Briffa (J. Schembri 77’, C. Gatt Baldacchino, F. Barbosa, M. Beerman,N. Muscat, G. Conti, A. Cohen, E. Bilbao Zarate, M. Lamlun (S. Borg 46’), J. Domoraud

Imwissija:

Skorja: M. Woo Ling 8’ (S)

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Roberto Vella, Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Aidan Friggieri (St. Andrews)

Attendenza: 123

St. Andrews salvaw temporanjament għaliex se jilagħbu l-play-off kontra t-tielet tim tal-Ewwel Diviżjoni. Dan wara li huma kisbu r-rebħa li kellhom bżonn biex jevitaw ir-relegazzjoni diretta ma qabżux lil Senglea li rebħu l-logħba tagħhom.

Għal Gżira din kienet l-ewwel telfa minn kemm ilu li Jesmond Zerafa ħa t-tmexxija tat-tim minn taħt Darren Abdilla. Zerafa serraħ ukoll xi plejers minħabba l-kwarti tal-finali tal-FA Trophy kontra Pietà Hotspurs, b’Justin Haber, Rodolfo Soares, Juan Corbalan u Haruna Garba ma jkunux fl-azzjoni filwaqt li Sacha Borg daħal fit-tieni taqsima, b’Justin Mengolo għadu indispost.

It-tim ta’ Johann Scicluna kien jimmeritah it-tliet punti, kompliċi l-gowl kmieni li skorjaw fejn setgħu jamministraw il-logħba kontra Gżira li żgur ma kellhomx l-istess motivazzjoni minħabba li diġà kienu laħqu l-għan tagħhom li jiksbu post fl-Europa League. Wara li naqsu li jkabbru l-vantaġġ, Gżira żiedu l-pressjoni fit-tieni taqsima u saħansitra setgħu ġabu d-draw minn penalty li kien salvat tajjeb.

Il-gowl li spiċċa biex iddeċieda l-konfront wasal wara tmien minuti meta Aidan Friggieri qassam lil MATTHEW WOO LING li b’xutt fil-baxx għeleb lil Anthony Curmi li beda flok il-gowlkiper regolari Justin Haber għat-tieni logħba konsekuttiva. Curmi spikka lejn tmiem l-ewwel taqsima b’save mill-isbaħ wara xutt mill-kaxxa ta’ Aidan Friggieri. St. Andrews reġgħu marru qrib li jġibu d-draw kmieni fit-tieni taqsima b’xutt ta’ Woo Ling li għadda jħakkek minn mal-wieqfa.

Gżira kellhom l-aħjar ċans tal-logħba li jġibu d-draw fis-56 minuta meta r-referee Darryl Agius iġġudika li x-xutt ta Domoraud ħabat ma’ id Kurt Magro. Mill-11-il metru nkariga ruħu Andrew Cohen iżda x-xutt tiegħu kien salvat tajjeb minn Matthew Calleja Cremona. Gżira komplew jippressaw għall-gowl tad-draw, bil-veteran Cohen jerġa’ jipprova iżda l-gowlkiper avversarju reġa’ kien attent, biex ftit wara xutt ta’ Nikolai Muscat għadda ftit barra.

St. Andrews kellhom ukoll l-okkażjonijiet tagħhom biex jagħlqu l-logħba b’ċans moħli ta’ Friggieri fit-68 minuta biex għaxar minuti wara, Davis naqas li jegħleb lil Curmi minn qagħda ideali. Il-Vjola rnexxielhom jassorbu l-pressjoni finali ta’ Gżira biex issa jistennew l-avversarji tagħhom mill-Ewwel Diviżjoni li se jkunu Santa Lucia jew Naxxar Lions hekk kif għada jintemm il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.