Tagħmir għal tliet sptarijiet li l-Gvern għadda lil Vitals inxtara mill-Gvern qabel ma kien konkluż il-kuntratt. Mhux talli hekk talli nxtara tagħmir ukoll minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u li l-istess Gvern kien qed jonfoq €1.8 miljun f’tagħmir kull sena għal dawn l-isptarijiet. Dan huwa stramb għax jekk l-isptartijiet issa għaddew għand kumpanija privata, huwa l-privat li għandu jinvesti f’tali tagħmir.
Dan ħareġ minn xhieda li ta fil-Qorti l-editur tal-gażetta Illum, Albert Gauci Cunningham li kiteb diversi artikli dwar dan il-ftehim u anke esebihom fil-Qorti. Dan meta kompliet tinstema’ l-kawża li ppreżenta l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet u ċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet kif ukoll lit-tmexxija tal-Vitals.
Huwa qed jirrimarka li l-Vitals kisru l-ftehim tal-konċessjoni tal-isptarijiet, u li l-Gvern kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku u ppermetta li kumpanija barranija, li l-ismijiet tas-sidien tagħha mhux magħrufa, jieħdu art, propjetà u tagħmir pubbliku. Il-kuntratt jistipola b’mod ċar li hemm obbligi li jridu jitħarrsu qabel ma jsir it-trasferiment.
Quddiem l-Imħallef Silvio Meli fl-aħħar seduta tiegħu qabel ma jirtira l-unika xhud kien Albert Gauci Cunnigham. Meta mistoqsi dwar għala kiteb dwar artikli li dehru fil-gazzetta dwar il-Vitals Global Healthcare, huwa qal li kienu sorsi li tkellmu mal-ġurnal dwar tagħmir li nxtara mill-kumpanija qabel ma ġie konkluż il-kuntratt. Huwa esebixxa erba’ stejjer fil-Qorti l-artikli li dehru fil-ġurnal dwar il-VGH.
Gauci Cunningham qal li l-istejjer ippubblikati ma kienux dwar l-iskandenzi tal-kuntratt iżda kienu dwar it-tagħmir, u l-ħlasijiet li saru lill-kuntratturi. Kompla jgħid li t-tgħamir nxtara minn fondi Ewropej mill-privat iżda l-Gvern ukoll baqa’ jixtri t-tagħmir għall-istess tliet sptarijiet.
L-editur qal lill-Qorti li tagħmir sewa €1.8m fis-sena u skont is-sorsi kien hemm stramberija, hekk kif il-Gvern kien daħal fi ftehim mal-privat għalhekk dal-investiment kellu jsir mill-privat u mhux mill-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jitlob lill-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) li permezz tiegħu nbiegħu tliet sptarijiet jiġi ddikjarat null.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien fetaħ il-kawża ftit jiem wara li l-konċessjoni għat-tliet sptarijiet li kienu għaddew f’idejn l-VGH ġiet trasferita lil Steward Health Care. Delia kien argumenta li l-Gvern ma kellu l-ebda dritt li jawtorizza t-trasferiment minħabba li l-VGH kien kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.
Delia qal fi tmiem ill-kawża li fid-dikjarazzjonijiet li ġew preżentati lill-Qorti permess ta’ affidavit, hemm ċar u tond kif dan il-kuntratt kien mittiefes bil-bidu sa l-aħħar u kif l-irregolaritajiet li saru matul il-proċess huma nkwetanti. Il-każ ikompli quddiem Imħallef ieħor fl-10 ta’ Ġunju li ġej fl-10am.
Għall-Kap tal-PN qed jidhru l-avukati Jason Azzopardi u Edward Debono.
//= $special ?>