Hekk kif illum tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-kampjonat Premier, ħafna jistaqsu jekk kienx hemm okkażjonijiet meta l-kampjonat ma kienx għadu deċiż fl-aħħar logħba tal-kampjonat rispettiv. Illum il-leaders Valletta jilagħbu kontra Ħamrun Spartans filwaqt li l-isfidanti Hibernians jilagħbu kontra Balzan, bil-Beltin għandhom żewġ punti vantaġġ fuq il-Pawlisti.
Fl-aħħar għaxar staġuni, kien hemm erba’ okkażjonijiet meta l-kampjonat kellu jkun deċiż lejn it-tmiem. Fl-istaġun 2008/09 Hibernians rebħu l-10 kampjonat meta kisbu draw ta’ 0-0 kontra l-isfidanti Valletta fl-aħħar logħba tal-kampjonat. Erba’ staġuni wara, Birkirkara rebħu r-raba’ kampjonat meta għelbu lil Hibernians 3-1 f’decider wara li t-tnejn spiċċaw il-kampjonat b’punti ndaqs.
Fl-istaġun ta’ wara jiġifieri fl-2013/14, Valletta għelbu lil Birkirkara 2-0 fl-aħħar logħba tal-kampjonat u rebħu t-22 kampjonat u spiċċaw punt fuq l-istess Birkirkara. Fl-istaġun li għadda, Valletta u Balzan bdew l-aħħar logħba b’punti ndaqs, iżda Valletta rebħu kontra Gżira United filwaqt li Balzan tilfu kontra Hibernians biex il-Beltin rebħu l-24 kampjonat. Hawn taħt tistgħu ssibu fid-dettall l-erba’ okkażjonijiet meta l-kampjonat kellu tmiem eċċitanti.

Hibernians jiksbu l-punt li riedu biex jirbħu l-10 kampjonat
24 ta’ Mejju 2009
HIBERNIANS………………. 0 VALLETTA……………….. 0
Hibernians: M. Muscat, J. Caruana, E. Herrera, A. Xuereb, J. Pearson (T. Scerri), A. Pulis, C. Callejas, A. Cohen, R. Galabov, Z. Borges Soares (B. Camilleri), C. Failla
Valletta: A. Hogg, J. Grioli, K. Scicluna, L. Dimech, S. Bezzina, E. Agius (S. Montesterolo), J. Pace, G. Agius, D. Falzon, (R. Briffa), N. Priso, I. Zammit
Imwissija: Z. Borges Soares, M. Muscat (H)
Il-Plejer tal-logħba: Clayton Failla (Hibernians)

Hibernians rebħu l-għaxar kampjonat fl-istorja tagħhom bi draw ta’ 0-0 kontra l-isfidanti Valletta fl-aħħar logħba tal-kampjonat. B’żewġ logħbiet għat-tmiem, Valletta kellhom bżonn jirbħu kontra Marsaxlokk biex jieħdu vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Hibernians qabel il-logħba deċiżiva iżda spiċċaw fuq in-naħa telliefa 2-1. B’hekk Hibernians daħlu għal dan il-konfront punt vantaġġ qabel il-Beltin u ħadu l-punt li kellhom bżonn. Il-logħba kienet milgħuba quddiem l-akbar attendenza tal-istaġun għalkemm il-logħba naqset li żżomm mal-aspettattiva.

Fl-ewwel taqsima Hibernians bdew iħallu aktar l-inizjattiva f’idejn Valletta u jilagħbu aktar bil-kontrattakk. Minkejja dan, l-azzjonijiet perikolużi kienu skarsi. Ftit wara s-siegħa logħob, Mario Muscat dawwar f’korner ix-xutt insidjuż ta’ Steve Bezzina. Fis-67 minuta, Andrew Hogg dawwar f’korner wara li Terence Scerri prova jqabbeż minn free-kick ta’ Clayton Failla. Hibernians iddefendew b’għaqal u rażżnu kull tip ta’ attakk ta’ Valletta li naqsu li jimpenjaw serjament lil Muscat. Saħansitra kienu l-Pawlisti li kważi kisbu r-rebħa lejn it-tmiem meta s-sostitut Ben Camilleri qabeż lil Hogg iżda xxuttja barra minn angolu ftit ristrett.

Birkirkara jdawru telfa f’rebħa u jiksbu r-raba’ kampjonat fl-istorja fid-decider
11 ta’ Mejju 2013
BIRKIRKARA………………… 3 HIBERNIANS………………….. 1
Hibernians: M. Muscat, R. Camilleri, J. Pearson, R. Soares (O. Obiefule 74’), M. Dias (A. Kardeck 85’), A. Cohen, B. Kristensen, J. Lima, C. Failla, E. dos Santos, J.P. Farrugia (A. Pulis 74’)
Birkirkara: J. Haber, Z. Muscat, N. Vukanac, A. Mendoza, R. Pereira, P. Fenech, G. Sciberras, R. Muscat, (R. Scicluna 84’), E. Herrera, J.P. Mifsud Triganza (R. Camenzuli 78’), J. Benites (H. Shola 34’)
Imwissija: J. Haber, E. Herrera (B), E. dos Santos, B. Kristensen (H)
Skorjaw: C. Failla 32’ pen (H), E. Herrera 56’, N. Vukanac 66’, Z. Muscat 73’ (B)
Attendenza: 9,252

Birkirkara ġew inkurunati champions meta rkupraw minn gowl minn taħt biex rebħu 3-1 kontra Hibernians f’decider quddiem 9,252 spettatur fl-Istadium Nazzjonali. Din il-logħba kellha tintlagħab wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw bl-istess punti fi tmiem il-kampjonat. Birkirkara bdew isibuha diffiċli biex isibu r-ritmu tal-logħba, b’Hibernians jiksbu vantaġġ meritat fl-ewwel taqsima. Iżda fit-tieni taqsima l-istorja nbidlet hekk kif Birkirkara ġabu d-draw kmieni u ħadu r-riedni tal-konfront.
Hibernians kważi fetħu l-iskor wara 18-il minuta iżda Justin Haber salva tajjeb daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Andrew Cohen wara korner ta’ Clayton Failla. Huma ngħataw penalty fit-32 minuta fost il-protesti ta’ Birkirkara meta r-referee Alan Mario Sant iġġudika li xutt djagonali ta’ Clayton Failla ħabat ma’ id Gareth Sciberras. CLAYTON FAILLA għeleb lil Justin Haber b’xutt b’saħħtu. Birkirkara ġabu d-draw fis-56 minuta meta Jean Pierre Mifsud Trigaza tefa’ kross mix-xellug lejn l-iżmarkat EDWARD HERRERA li għeleb Mario Muscat.

L-Istripes marru fil-vantaġġ f’nofs it-tieni taqsima meta ngħataw free-kick b’NIKOLA VUKANAC jieħu vantaġġ minn ħarġa difettuża ta’ Mario Muscat u skorja b’daqqa ta’ ras. Birkirkara għalqu l-logħba fit-73 minuta b’gowl ta’ ZACH MUSCAT wara kross tajjeb ta’ Rowen Muscat fil-kaxxa. Fi tmiem il-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Birkirkara li qabżu fil-pitch fejn anki nħolqu xi argumenti li iżda ma kkawżawx periklu kbir.

Gowls fil-bidu u lejn it-tmiem jagħtu t-titlu lil Valletta
26 ta’ April 2014
BIRKIRKARA…………………….. 0 VALLETTA……………………… 2
Birkirkara: J. Haber, Z. Muscat, N. Vukanac, M. Bissi (F. Temile 60’), J. Zerafa, P. Fenech, G. Sciberras, R. Muscat (R. Calheira Seara 71’), E. Herrera, H. Shola Shodiya, J. Benites
Valletta: N. Revishvili, J. Caruana, S. Borg, R. Fenech (E. Agius 85’), L. Montebello (L. Elford Alliyu 80’), A. da Silva Souza, S. Bajada, D. Rocha dos Santos (R. Briffa 74’), I. Maisuradze, A. Nafti, L. Dimech
Imwissija: P. Fenech 8’ (B), S. Borg 22’, A. Nafti 45’, N. Revishvili 90’ (V)
Skorjaw: S. Bajada 2’, R. Briffa 93’ (V)
Referee: Chris Lautier
Il-mument Plejer tal-Logħba: Shaun Bajada (Valletta)
Attendenza: 10,663

Valletta rebħu t-22 kampjonat fl-istorja wara rebħa ta’ 2-0 fuq Birkirkara fl-aħħar partita tal-kampjonat mill-istaġun 2013/14. B’hekk huma spiċċaw punt fuq l-istess Birkirkara li b’hekk naqsu li jirrepetu s-suċċess miksub staġun qabel.
Birkirkara kellhom jiġru wara r-riżultat minħabba l-gowl kmieni li sofrew u għalkemm bdew jieħdu aktar kunfidenza, Valletta kienu xorta l-aktar tim perikoluż fl-ewwel taqsima. Fit-tieni 45 minuta, Valletta ddefendew ir-riżultat iżda kkontrollaw il-partita, bit-tim ta’ Birkirkara jagħfas għad-draw speċjalment fl-aħħar kwarta.
Il-Beltin fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti bi ġmiel ta’ free-kick ta’ SHAUN BAJADA li għeleb lil Justin Haber. Fit-tmien minuta, Nukri Revishvili dawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Zach Muscat, bl-istess gowlkiper jerġa’ jdawwar f’korner xutt minn pożizzjoni angolata ta’ Gareth Sciberras. Birkirkara bdew joqogħdu aktar mal-ħin iżda Valletta dehru aktar perikolużi u marru viċin fl-24 minuta bi kross ta’ Abdelkarim Nafti lejn Alan da Silva Souza iżda Haber salva tajjeb it-tentattiv.

Fit-tieni taqsima, Valletta bdew isibuha diffiċli biex joħorġu mill-qoxra difensiva u Birkirkara komplew jattakkaw hekk kif bi draw kienu jirbħu l-kampjonat. Revishvili kien strumentali darbtejn fl-84 minuta meta l-ewwel salva minn mal-art fu Ronnalie Calheira Seara biex ftit wara salva minn fuq il-linja fuq xutt mill-ewwel ta’ Frank Temile. Fid-89 minuta xutt fil-baxx ta’ Temile għadda ċentimetri barra u bit-tim żbilanċjat, Valletta għalqu l-logħba fit-93 minuta. Lateef Elford Alliyu qassam lejn Alan da Silva Souza li għadda lejn RODERICK BRIFFA li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Haber. Mat-tieni gowl il-partitarji Beltin flimkien ma’ dawk ta’ fuq il-bank qabżu fil-pitch bil-partita tintemm 2-0 wara t-tielet minuta żejda.

Valletta jirbħu l-24 kampjonat wara t-telfa ta’ Balzan
21 ta’ April 2018
VALLETTA……………………. 2 GŻIRA UNITED……………………. 1
Valletta rebħu l-24 kampjonat wara li fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat rebħu 2-1 kontra Gżira United filwaqt li l-isfidanti diretti Balzan kienu megħluba minn Hibernians 1-0. Sa qabel dawn iż-żewġ partiti, Valletta u Balzan kienu bl-istess punti. Kif mistenni, Valletta fetħu fuq l-attakk u damu biss seba’ minuti biex fetħu l-iskor meta Kyrian Nwoko qassam għan-nofs lejn Raed Saleh, bil-ballun jispiċċa għand MATTEO PICIOLLO li b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Anthony Curmi. Huma baqgħu fil-kontroll tul l-ewwel 45 minuta iżda ma kinux dominanti.

Fil-50 minuta, xutt ta’ Miguel Alba għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta. Valletta rduppjaw fil-65 minuta meta Santiago Malan qassam lejn RAED SALEH li daħal tajjeb fil-kaxxa u minn qagħda ideali għeleb lil Curmi fil-baxx. Gżira naqqsu d-distakk fit-80 minuta meta rebħu penalty wara li Ryan Camilleri waqqa’ lil Juan Corbalan fil-kaxxa u mill-11-il metru ANDREW COHEN għeleb lil Henry Bonello.
HIBERNIANS………………… 1 BALZAN……………………………… 0
Fil-logħba l-oħra, Hibernians għelbu meritatament lil Balzan f’gowl fit-tieni taqsima. Balzan iddiżappuntaw fl-aktar mument deċiżiv tal-kampjonat u spiċċaw biex fallew il-kampjonat għat-tieni staġun konsekuttiv. Hibernians kellhom aktar inizjattiva fil-bidu iżda kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu bi free-kick ta’ Ryan Fenech joħloq paniku quddiem il-lasta ta’ Andrew Hogg. Sitt minuti wara, Hibernians kważi fetħu l-iskor meta minn żball tal-gowlkiper Ivan Janjusevic, Jurgen Degabriele qabeż lill-istess gowlkiper u xxuttja fil-lasta iżda Elkin Serrano Valero salva gowl ċert minn fuq il-linja.

Balzan ħadu l-kontroll tal-logħba fit-tieni nofs tal-ewwel taqsima u fl-40 minuta xutt ta’ Steve Bezzina kien blokkat b’mod sfortunat minn Bojan Kaljevic. Hibernians fetħu l-iskor fis-56 minuta meta minn korner ta’ Jackson Lima, Rodolfo Soares kompla bir-ras lejn CLAYTON FAILLA li fuq it-tieni lasta kompla għal ġewwa bir-ras.
Ir-reazzjoni ta’ Balzan kienet fjakka u konfuża b’diversi blalen li kienu kontrollati mid-difensuri ta’ Hibernians. Fl-aħħar minuti bdew jattakkaw b’mod iddisprat u minn ġirja ta’ Effion, Alex da Paixao Alves bit-takkuna xeħet ftit barra u sat-tmiem naqsu li jsibu x-xibka.
//= $special ?>