Kultura Kunsilli Lokali Lokali

Imniedi ktieb dwar il-kultura, l-istorja u l-ambjent taċ-ċentru ta’ Malta

Dak li kien esperiment f’pajjiżna bit-twaqqif tal-Kumitati reġjonali f’pajjiżna minn amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2010, llum  kulħadd jaqbel li saru esperjenza sabiħa li qed tħalli l-frott. Dan qalu Robert Cutajar il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali u fondi Ewropej waqt it-tnedija tal-ktieb “ A Taste of the History, Culture and Environment of the Central Region of Malta”.

Robert Cutajar kompla jgħid li l-kumitati reġjonali kien saff ieħor fil-politika ta’ devoluzzjoni f’pajjiżna wara t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali 26 sena ilu flimkien mal-Kumitati Amministrattivi aktar reċenti li pero hija ħasra li fl-aħħar jiem rajna t-tneħħija ta’ dawn il-kumitati magħrufa aħjar bħala Hamlets. Il-viżjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjeta li nbeda f’pajjiżna 26 sena ilu, llum irridu naraw li nkomplu nsaħħuh u mhux indgħajfuh.

Id-deputat Nazzjonalista  faħħar l-inizjattiva ta’ dan il-ktieb u rringrazzja lill-president tar-Reġjun taċ-Ċentru Michael Fenech Adami  u t-13-il sindku li jiffurmaw parti minn dan ir-reġjun. Robert Cutajar qal li dan il-ktieb qed joħroġ aktar dak li verament jagħmilna Maltin b’aċċenn fuq l-istorja, l-kultura u l-ambjent ta’ madwarna.

F’kelmtejn waqt l-attività, Michael Fenench Adami , qal illi kien ta’ sodisfazzjon għalih li flimkien mas-Sindki li jiffurmaw dan ir-reġjun jara dan il-proġett  jitlesta wara ħidma ta’ aktar minn sena. Hu rringrazzja lill awtur tal-ktieb il-Profs George Cassar, lill-fotografu Joseph Galea kif ukoll lil Kite Group li hadu hsieb il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb. Preżenti kien hemm ukoll id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Din it-tnedija saret fit-teatru tal-Kullegg San Alwigi f’B’Kara.