Lokali

Jieħu n-nar l-Ark tal-Festa ta’ San Publju fil-Floriana

Jinqered għal kollox l-ark li f'jum il-festa ta' San Publju kienet tgħaddi l-vara minn taħtu.

L-Ark tal-Festa fil-Floriana nqered għal kollox wara li nħakem minn fjammi kbar tan-nar kmieni s-Sibt filgħodu.

Il-każ-seħħ għall-ħabta tas-01:30 ta’ dalgħodu fi Triq San Tumas fil-Floriana, maġenb il-Knisja ta’ San Publju.

Residenti spjegaw magħna kif dak il-ħin huma kienu jinsabu reqdin meta fid-daqqa u l-ħin semgħu ħsejjes qawwija u xammew riħa ta’ njam jaqbad. Kien f’dak il-mument li raw l-Ark jaqbad u ħarġu minn djarhom maħsudin għall-aħħar u pruvaw jassistu biex jitfu n-nar.

Resident partikolari qal ma’ Net News li malli ħarġu minn darhom tant kemm kienu kbar il-fjammi li malli evakwaw il-barra minn darhom fit-triq ħassew sħana kbira.

Il-fjammi qerdu wkoll erba’ karozzi li kienu jinsabu pparkjati viċin l-Ark fi Triq San Publju u dik ta’ San Tumas.

Fuq il-post marru minnufih ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kkontrollaw il-fjammi madankollu sfortunatament jidher li l-Ark nqered għal kollox.

Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

Intant dan l-Ark għandu valur kbir għall-Furjaniżi hekk kif din is-sena kien se jagħlaq 120 sena minn mindu ntuża l-ewwel darba. Filfatt l-Ark tlesta fl-1899 iżda fit-tieni gwerra dinjija meta kien qed jinħaraq l-injam kollu li jinstab biex jintuża fil-Victory Kitchen, dan l-Ark kien inħeba wara ħajt fil-Knisja, u kien biss ftit tas-snin ilu li dan reġa’ nstab. L-ark kien reġa beda’ jintuża fl-1999 u kien qed jiġi rrestawrat.

Wara l-inċident ta’ dalgħodu L-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna mistenni jagħmel żjara fil-Furjana .