Futbol Sport

Jitkellmu l-kowċis ta’ Valletta u Hibernians qabel il-logħbiet importanti tal-lum

Hekk kif illum tintlagħab l-aħħar logħba tal-Kampjonat Premier, Net Sports ħa l-kummenti tal-kowċ ta’ Valletta Gilbert Agius u l-kowċ ta’ Hibernians Stefano Sanderra. Bħalissa Valletta jinsabu żewġ punti fuq Hibernians u għalhekk jekk it-tnejn jiksbu riżultati identiċi Valletta jirbħu l-kampjonat.

Rebħa għal Hibernians u telfa għal Valletta trebbaħ il-kampjonat lil Hibernians. Rebħa għal Hibernians u draw għal Valletta tfisser decider bejn iż-żewġ timijiet u jekk Hibernians ma jirbħux Valletta jirbħu l-kampjonat.

Valletta jilagħbu kontra Ħamrun Spartans fl-4.00pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u Hibernians jilagħbu kontra Balzan fl-4.00pm fil-Hibernians Stadium.

Gilbert Agius – kowċ ta’ Valletta

“F’din l-iskwadra hawn esperjenza u esperjenza ta’ dawn il-logħbiet. Mhix faċli li tilgħab taħt din il-pressjoni imma ninsabu ffortunati li għandna diversi plejers li għaddew minn dawn l-esperjenzi. Aħna għandna għan wieħed dak li nirbħu l-kampjonat. Fadal partita waħda, ħa nħarsu lejha bħal ma ħarisna l-partiti l-oħra, ntuha l-importanza tagħha. Se nidħlu f’kull dettall u eventwalità li nistgħu niltaqgħu magħha. Din hi logħba tal-futbol u min hu l-aqwa jirbaħ.

L-objettiv tagħna hu dak li nirbħu l-kampjonat u dak li se nkunu qed nagħmlu s-Sibt li ġej. Il-Ħamrun itellgħu ħafna sapport però l-affarijiet li rajt fil-Ħamrun u jdejquni nżommhom għalija. Qed nitrattaw lil Ħamrun bħala r-rivali għal din il-partita u allura ntuhom l-attenzjoni għal din il-logħba, ir-rispett li jistħoqqilhom għaliex Ħamrun urew li huma sfidanti denji għall-post fl-Ewropa.”

Stefano Sanderra – kowċ ta’ Hibernians

“Aħna ninsabu żewġ punti bogħod mill-quċċata u għalhekk hu aktar diffiċli għaliex ma jiddependix minnha. L-iżball li ma rridux nagħmlu hu li naħsbu fuq il-logħba l-oħra għaliex għandna logħba diffiċli ħafna. Balzan huma skwadra b’saħħitha, dejjem kienu, imma ġejjin minn prestazzjoni tajba kontra Sliema. Jekk jirnexxilna nirbħu biss, inħarsu lejn ir-riżultat tal-logħba l-oħra.

Fit-tieni rawnd tlifna l-brillantezza tagħna, tlifna xi plejers u probabbilment anki mentalment l-iskwadra ma kinitx matura biex taħseb biss f’dak li jsir fil-pitch. Aħna għandna skwadra tajba kullimkien imma dejjem hu logħob kollettiv. Balzan hu tim fiżiku li għaddejjin minn perjodu tajjeb. Huma perikolużi minn sitwazzjonijiet wieqfa, skwadra b’saħħitha tal-livell tagħna jekk mhux aħjar.”