Lokali

Joseph Muscat ikompla jnawwar il-fiduċja fil-Kunsilli Lokali

Aktar minn 110 Kunsillier Laburista u 8 Sindki Laburisti mhux se jikkontestaw l-elezzjonijiet li ġejjin

Il-Prim Ministru llum ippreżenta l-kandidati tiegħu għall-Kunsilli Lokali lill-poplu wara li ddikjara b’mod ċar li ‘l-Kunsilli Lokali qatt ma kienu xi super favoriti’ tiegħu. Din id-dikjarazzjoni hija vot ta’ sfiduċja fil-Kunsilli Lokali u fil-kandidati kollha li se jikkontestaw inkluż dawk tal-Partit Soċjalista. Dikjarazzjonijiet bħal dawn inawwru l-fiducja fil-Kunsilli Lokali u fil-proċess demokratiku.

Mill-kandidati li ppreżenta llum il-Partit Soċjalista għandu 112-il kunsillier li qed iservu bħalissa u li issa mhux se jerġgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej. Minn dawn hemm tmien sindki li mhux se jerġgħu jikkontestaw mal-Partit Soċjalista, f’Ħal Qormi, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, ix-Xagħra, l-Imqabba u l-Isla. Dan meta fil-midja u fil-mezzi soċjali ġew irrappurtati każijiet ta’ argumenti sħan u battibekki bejn il-kandidati tal-Partit Soċjalista stess, u kunsillier fl-Imsida rriżenja mill-Partit Soċjalista u ddikjara lilu nnifsu indipendenti.

Sabiex jgħatti xturu, l-Partit Soċjalista issa qiegħed jigdeb u jispinnja meta kien hu, li ħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sentejn ilu u issa bl-aktar mod anti-demokratiku ħassar l-elezzjonijet ta’ 16-il Kunsill Amministrattiv fl-elezzjoni li ġejja, u dan għax ma jemminx fil-Kunsilli Lokali. Il-maskra tal-Partit Soċjalista issa waqgħet, li minn dejjem kien kontra l-Kunsilli Lokali mhux bħall-Partit Nazzjonalista li wellidhom u kabbarhom għax għandu fiduċja fil-poplu u fir-residenti li jistgħu jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-lokalitajiet fejn jgħixu.