Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna jordna erba’ saċerdoti ġodda

Dalgħodu fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta saret il-quddiesa tal-ordinazzjoni presbiterali ta’ erba’ saċerdoti ġodda mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna u mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

L‑erba’ djakni li ġew ordnati saċerdoti huma: Peter Ellul mill‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta, Jean Gové mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta, Aayrton Ray Muscat mill‑Parroċċa ta’ Santa Luċija, l‑Imtarfa, u Matthew Pulis mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna feraħ lil dawn is-saċerdoti filwaqt li tahom parir sabiex ikunu saċerdoti ħerqana, qaddisa u leal. Ħeġġiġhom biex jitolbu ħalli permezz tagħhom il-Mulej iqanqal vokazzjonijiet ġodda għas-saċerdozju.

“Agħtu ħajjitkom biex il-ferħ tagħkom fil-Mulej ma jonqosx. Tibżgħux mit-taħbit u t-tgħajjir” sostna l-Arċisqof. Ħuwa ħeġġiġhom biex ma jaqtgħu qatt mit-talb u li l-ubbidjenza tagħhom għandha tkun sinċiera, li s-safa tagħhom tkun umli, li l-għana tagħhom ikun biss il-Mulej. “Fittxu l-Mulej fil-fqir u l-batut; ħobbuh fil-proxxmu; aqduh fl-aħwa; faħħru fil-ħolqien; agħtuh il-glorja b’ħajjitkom u bil-fedeltà tagħkom”, temm jgħid l-Isqof.