Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, Philip Von Brockdorff, kellu kliem iebes għall-istrateġija ekonomika tal-Gvern Soċjalista Malti, meta kien qiegħed jindirizza l-Konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem tal-UĦM Voice of the Workers:
F’ġirja sfrenata biex jingħataw rekord ta’ permessi tal-bini, simili għall-mudell ta’ Dubai, Brockdorff kellu kliem xejn sbieħ fuq is-settur tal-propjetà:
“Huwa settur li qed joħloq ħafna pressjoni. Problema ta’ eċċess. Il-mudell ta’ Dubai jimxi hekk. Build and they will come. U fil-fatt hekk qed jiġri Malta. Krejnijiet, permessi ħierġin, rekord wara ieħor. Din is-sena jkollna rekord ikbar minn tas-sena l-oħra.”
Dan qiegħed ikollu konsegwenzi serji għaliex il-kwalità tal-bini, skont Brockdorff, huwa ta’ livell inferjuri ħafna għal dak f’Dubai, minkejja li l-prezzijiet qed jogħlew għad-detriment tal-ħaddiema u f’xenarju ta’ nuqqas ta’ infurzar:
“Tafu biżżejjed li fil-kostruzzjoni f’pajjiżna l-infurzar huwa ċajta. Ma hemm ebda infurzar ħlief għal dawk vulnerabbli.”
Von Brockdorff qal li f’pajjiżna rajna żieda massiċċa fil-popolazzjoni mill-2013 ’l hawn minħabba l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema barranin u l-familji tagħhom lejn pajjiżna:
“Rajna qabża konsiderevoli mill-2013 ’l hawn. Il-popolazzjoni qed tikber u tikber sew, tant u hekk illum għandna 100,000 mill-popolazzjoni tagħna huma barranin biex b’hekk il-popolazzjoni tilħaq l-485,000, probabbilment ċifra konservattiva ħafna. Dan l-impatt ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi qed inaqqas l-istandards fil-qasam tax-xogħol.”
Minħabba li l-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea, dan qed ikompli jimmina l-ħaddiema Maltin għaliex il-pagi għalihom ikollhom jonqsu.
“Aħna konna l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn fl-aħħar kwart tal-2018 kien hemm tnaqqis bħala medja fil-pagi. Bħala medja, kien hemm żidiet ferm akbar fiż-żona Ewro milli dak li ġara f’Malta, anzi fil-fatt kellna tnaqqis.”
Fil-konferenza, sar dibatitu bejn il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-andament ekonomiku fejn għall-Partit Nazzjonalista ħadu sehem Peter Agius, Dione Borg u Frank Psaila.
//= $special ?>