Valletta ftit minuti bogħod mir-rebħ tat-titlu u se jkollhom jilagħbu decider kontra Hibernians
Stewart Said
ĦAMRUN S…………….. 1
VALLETTA………………. 1
Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, O. Nikolopoulos, E. Pepe, A. Scicluna (M. Gauci 56’), T. Caruana, S. Nayar (C. Borg 56’), C. Calil, K. Tulimieri (R. Darmanin 76’), D. Moukanza, W. Domoraud
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Caruana, R. Camilleri (J. Borg 62’), J. Zerafa, R. Muscat, S. Malano, M. Alba (R. Saleh 68’), M. Fontanella, K. Nwoko (B. Kaljevic 85’)
Imwissija: M. Alba 64’, R. Muscat (V), M. Gauci 64’ (Ħ)
Tkeċċa: R. Saleh 89’ (V)
Skorjaw: M. Fontanella 29’ (V), D. Moukanza 93’ (Ħ)
Referee: Alan Mario Sant
Assistenti Referees: Paul Apap, Fyodor Zammit
Il-mument Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)
Attendenza: 5590
Gowl fit-93 minuta ta’ Donneil Moukanza ċaħħad lil Valletta milli jirbħu l-25 kampjonat fl-istorja tagħhom hekk kif Ħamrun Spartans salvaw punt fi draw ta’ 1-1 li bih aċċertaw ir-raba’ post li jista’ jfisser post fl-Europa League. Dan id-draw fisser li Valletta ntlaħqu minn Hibernians fil-quċċata tal-klassifika bi 58 punt u għalhekk hemm bżonn decider biex jintrebaħ il-kampjonat.
Valletta jistgħu jgħidu li tilfu l-logħba minn idejhom hekk kif wara li marru fil-vantaġġ naqsu li jaċċertaw mit-tliet punti li kienu jrebbħuhom it-titlu. Ħamrun Spartans tjiebu fit-tieni taqsima iżda xorta ma kinux ta’ periklu biex spiċċaw skorjaw il-gowl tad-draw bl-ewwel xutt fil-lasta li kellhom.
Il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans Giovanni Tedesco għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Pietà Hotspurs. Sebastian Nayar u Donneil Moukanza bdew minflok Marco Criaco u Carlos Henneberg. Bidla fuq in-naħa l-oħra għal Gilbert Agius b’Steve Borg jirritorna mis-sospensjoni u jibda flok Jean Borg.
Valletta ħarġu aktar fuq l-offensiva u marru viċin li jiftħu l-iskor fl-ewwel minuta bi kross ta’ Miguel Alba mix-xellug lejn Mario Fontanella li prova b’daqqa ta’ ras li kienet salvata tajjeb minn Manuel Bartolo, bl-attakkant Taljan ikun f’pożizzjoni ta’ offside.
Żewġ azzjonijiet perikolużi ta’ Valletta mal-kwarta logħob. L-ewwel kienet ħarba tajba ta’ Santiago Malano li qassam fuq ix-xellug lejn Fontanella, b’tal-aħħar jixxuttja minn angolu ftit magħluq iżda Bartolo kien attent u dawwar f’korner. Mill-istess korner, Bartolo reġa’ spikka meta salva b’mod stupend xutt b’saħħtu ta’ Fontanella.
Ħamrun baqgħu jsibuha diffiċli biex jimponu l-logħba tagħhom, b’Valletta jieħdu r-riedni tal-logħba aktar ma għadda l-ħin. Kien fid-29 minuta li Valletta fetħu l-iskor meta minn passaġġ qasir ta’ Andrè Scicluna, ħa vantaġġ MARIO FONTANELLA li avvanza fuq in-naħa leminija tal-kaxxa u b’xutt preċiż fl-għoli ma ta l-ebda ċans lil Bartolo.
Ir-reazzjoni ta’ Ħamrun naqset li tkun effettiva, b’Valletta jibqgħu fil-kontroll tal-logħba. Kien biss qabel il-mistrieħ li l-Ħamruniżi heddew il-lasta b’Kevin Tulimieri jiftaħ fuq ix-xellug lejn Donneil Moukanza li prova b’xutt li ħabat mal-art u spiċċa fuq ix-xibka.
Valletta baqgħu jikkontrollaw il-logħba iżda naqsu l-immedjatezza għall-gowl li kellhom fl-ewwel taqsima. Ħamrun tjiebu fit-tieni nofs tat-tieni taqsima għalkemm Henry Bonello xorta kellu logħba kwieta. Fit-63 minuta huma rebħu free-kick qrib il-kaxxa iżda x-xutt minn qagħda tajba ta’ Donneil Moukanza għadda għoli.
Tliet minuti wara, xutt mid-distanza ta’ Rowen Muscat ġie salvat mingħajr diffikultà minn Manuel Bartolo. Valletta baqgħu jikkontrollaw il-logħba iżda Ħamrun beda jkollhom aktar pussess u wassal biex Valletta poġġew ftit pressjoni fuqhom.
Huma kellhom jilagħbu l-aħħar minuti b’raġel anqas meta fid-89 minuta Raed Saleh tkeċċa mir-referee Alan Mario Sant f’żewġ karti sofor fi ftit ħin, l-ewwel minħabba li ħela l-ħin u ftit sekondi wara ntwera t-tieni karta safra wara li ċapċap lir-referee.
Il-partitarji ta’ Valletta bdew jaraw il-kampjonat jersaq aktar lejhom u kienu preparati biex jiċċelebraw iżda Ħamrun kellhom ħsibijiet fit-93 minuta meta kontra kull mistenni ġabu d-draw. Kien ballun fit-tul ta’ Triston Caruana, Orestis Nikolopoulos mess il-ballun bir-ras u l-ballun spiċċa għand l-iżmarkat DONNEIL MOUKANZA li waħdu fil-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Henry Bonello fost il-ferħ kbir tal-partitarji Ħamruniżi li ħafna minnhom kienu bdew iħallu l-grawnd.
Valletta ftit kien fadlilhom ċans biex jippruvaw jirbħu l-logħba u għajr daqqa ta’ ras tas-sostitut Bojan Kaljevic li għaddiet għoli iżda kien f’pożizzjoni ta’ offside. Mat-tisfira finali, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamrun li ċaħħdu lir-rivali tagħhom milli jirbħu l-kampjonat, ta’ l-anqas sas-Sibt. .
//= $special ?>