Futbol Sport

Tottenham isofru l-ewwel telfa fil-grawnd il-ġdid tagħhom


Tottenham isofru l-ewwel telfa fil-grawnd il-ġdid tagħhom fejn sa qabel il-partita kontra l-West Ham lanqas kienu biss qalgħu gowl. Bl-iskuża li għandhom partita mportanti nhar it-Tlieta meta fiċ-Champions League jiltaqgħu fis-semi finali kontra Ajax Amsterdam, it-tim ta’ Maurizio Pochettino ma kienx fil-forma li raw lil dan it-tim jelimina lil favoriti Manchester City fl-Ewropa.

Kien Michail Antonio fis-67 minuta li ta r-rebħa lill-Ħammers, f’derby li ma laħaqx xi livelli partikolari. Madankollu l-gowl ta’ West Ham kien wieħed mill-isbaħ meta Antonio irċieva passaġġ mill-isbaħ minn Marko Arnautovic biex għeleb lil Hugo Lloris. Issa l-ġlieda għal post fl-Ewropa qed tkompli tiħrax fejn huma biss Liverpool u Manchester City li għandhom ċertezza li se jilgħabu fiċ-Champions League l-istaġun li ġej.

Hemm ġlieda bejn l-istess Tottenham, Chelsea, Arsenal u Manchester United, anke jekk il-possibilita’ li l-Europa League tintrebaħ minn Arsenal jew Chelsea tagħti ċans ieħor lil dawn it-timijiet li jikkompetu fl-aktar tazza prestiġjuża fuq livell ta’ clubs.

Sadanittant Crystal Palace u Everton ġew fi draw ta’ mingħajr gowls biex u Fulham wara li ġew relegati komplew bil-forma pożittiva tagħhom b’rebħa ta’ 1-0 fuq Cardiff City li issa huma l-favoriti li jaqgħu magħhom u ma’ Huddersfield fiċ-Championship. Il-gowl ta’ Fulham ġie skorjat minn l-ex plejer ta’ Liverpool Ryan Babel fis-79 minuta.

Logħba mill-isbaħ kienet dik bejn Southampton u Bournemouth li qasmu sitt gowls fi draw ta’ 3-3. Fit-12-il minuta Shane Long ta l-vantaġġ lil Southampton iżda tmien minuti wara Dan Gosling ġab id-draw għal Bournemouth u Callum Wilson fit-32 minuta tahom il-vantaġġ. James Ward Prowse fil-55 minuta għamilhom 2-2 biex Matt Target fis-67 minuta poġġa lil Southampton fil-vantaġġ biex erba’ minuti mit-tmiem Callum Wilson skorja t-tieni gowl personali għal draw ġust.

Wolves li għamlu partita kbira kontra Arsenal u rebħulhom 3-1, issa pattewha lil Watford li kienu eliminawhom fis-semi-finali tal-FA Cup. Kien Raul Jimenez erba’ minuti qabel il-mistrieħ li tefagħhom fil-vantaġġ iżda fid-49 minuta Andre Gray ġab id-draw għal Watford, bi Diogo Jota fis-77 minuta jagħti r-rebħa lil Wolves.

Brighton ħadu punt important fi draw f’darhom ta’ 1-1 kontra Newcastle. Ayoze Perez fetaħ l-iskor għal Newcastle fit-18-il minuta biex Pascal Gross iġib id-draw għal Brighton kwarta mit-tmiem.