Raġel ta’ 31 sena ddaħħal l-isptar Mater Dei fejn instab li kien qed isofri minn ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tal-5.00 ta’ dalgħodu.
Fl-inċident li ġara fi Triq Rue D’Argens, il-Gżira, jidher li kien hemm impatt
bejn vettura tat-tip Peugeot 107 misjuqa minn persuna ta’ 31 sena residenti Santa Venera u vettura tat-tip Mercedes ML250 misjuqa minn persuna ta’ 30 sena residenti l-Gżira. Erba’ vetturi oħra li kienu pparkjati sofrew xi ħsarat waqt dan l-inċident.
Il-Pulizija ġiet infurmata b’dan l- inċident u marru minnufih fuq il-post fejn issejħet ukoll ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-Peugeot l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>