Lokali

Francis Zammit Dimech – persuna kompetenti, mimli enerġija u leali

“Determinat biex inkompli naħdem fil-Parlament Ewropew biex nissalvagwardja r-reputazzjoni u d-drittjiet tagħna, biex niġġieled l-inġustizzji u biex intejjeb l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin b’servizz tas-saħħa aħjar u b’ekonomija sostenibbli.” Qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech waqt it-tnedija uffiċjali tal-Kampanja tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – bit-tema il-Vuċi Tiegħek: Lealtà, Onestà, Esperjenza.

Zammit Dimech żied li filwaqt li kuntent bir-riżultati li kiseb f’anqas minn sentejn hu jħares ‘il quddiem u li ħa jaħdem biex isaħaħħ il-ġlieda kontra l-kanċer, biex pajjiżna jtejjeb l-ambjent tiegħu b’mod speċjali li nħarsu l-baħar, riżorsa importanti għalina. Hu qal li filwaqt li fil-kuntest ta’ teknoloġiji ġodda bħar-robotika irid li l-bnidem jibqa’ fic-ċentru tal-iżvilupp. Żied jgħid li ħa jkompli jkun il-vuċi tan-neogzji żagħar minn kompetizzjoni inġusta għaliex dawn huma wkoll importanti għalina l-konsumaturi. Fuq l-immigrazjoni Zammit Dimech qal li 
ħa jaħdem biex inkunu ġusti ma’ min li ħaqqu protezzjoni, favur politika ta’ ritorn u ħorox mat-traffikanti ta’ nies vulnerabbli. Wiegħed rispett assolut lejn il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.

Indirizza l-attività l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li qal “Francis Zammit Dimech huwa ‘team player’, mimli b’enerġija pożittiva, bi spirtu żgħażugħ li jirrifletti l-passjoni tiegħu li jgħin lin-nies permezz tal-politika. Huwa testimonjanza ta’ altruwiżmu fil-politika. Francis jispikka fil-lealtà tiegħu lejn pajjiżu u lejn il-Partit Nazzjonalista. Meta l-Partit ikollu bżonnu dejjem ikun hemm.”

L-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi faħħar lil Zammit Dimech għall-ħidma li wettaq matul il-karriera politika tiegħu. Hu qal “Francis Zammit Dimech jirrapreżentana b’mod dinjituż barra minn pajjiżna. Francis hu mudell ta’ ambaxxatur tajjeb għal pajjiżna, ta’ reputazzjoni tajba, ta’ integrità, ta’ lealtà u serjetà. Grazzi Francis għaliex “you never let me down” żied jgħid Gonzi. 

L-eks Kummissarju Ewropew u ex-Viċi Prim Ministru Tonio Borg qal li Francis Zammit Dimech jafu dejjem mimli b’enerġija u li għandu lealtà lejn il-prinċipji tal-Partit. Borg tkellem ukoll dwar il-bżonn tal-esperjenza bħal dik ta’ Zammit DImech fil-Parlament Ewropew.

Waqt it-tnedija tal-Kampanja intwera filmat bil-membri tal-Grupp Parlamentari tal-PN fostom Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, Chris Said, Beppe Fenech Adami, Ryan Callus, Mario de Marco u l-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo ikollhom kliem ta’ tifħir għal kif Francis Zammit Dimech hu leali lejn il-Partit, vuċi tar-raġuni, u li f’sentejn ħadem qatigħ b’riżultati tajbin li jħallu impatt fil-ħajja ta’ kuljum, li mimli b’enerġija u li jixraqlu li jkompli jirrapreżentana u li żamm lil-Għawdex prijorità fil-ħidma tiegħu. Preżenti għal din it-tneija kien hemm ukoll il-Kap preċedenti Simon Busuttil.

Tkellmu wkoll permezz ta’ filmat il-Koordinaturi tal-Kumitati prinċipali li ħadem fihom Zammit Dimech. Axel Voss mil-Kumitat tal-Affarijeit Legali qal li Zammit Dimech hu persuna li tista toqod fuqu u li fi zmien qasir ħadem biex jassigura postijiet tax-xogħol siguri u li hu pilastru fil-kumitat tal-affarijiet legali. Sabine Verheyen mill-Kumitat tal-Edukazzjoni, Kultura, Zgħazagħ, Media u Sport elenkat il-ħidma estensiva ta’ Zammit Dimech fuq il-libertà tal-midja, l-whistelblowers, fuq il-kultura, l-immodernizzar tal-edukazzjoni u kif fi żmien qasir ta kontribut importanti. Irringrazjatu talli dejjem kien disponibbli u talli ġab l-esperjenza u l-għarfien tiegħu għad-dispozizzjoni tal-Parlament Ewrpew.

Waqt it-tnedija tal-Kampanja ipparteċipat ukoll “Zene Quartet” iffurmata minn Marcelline Agius, Klara Nazai, Nadia Debono u Akos Kertesz. Zammit Dimech qal li hu ħa jkompli jsaħħaħ is-settur kulturali, parti integrali mil-identità Ewropea u li ħa jkompli jkun il-vuċi tal-artisti u l-kreaturi Maltin u Għawdxin.