Valtteri Bottas spiċċa fl-ewwel post fil-Grand Prix tal-Ażerbajġan wara li għeleb l-isfida ta’ sieħbu tal-Mercedes Lewis Hamilton. Din kienet it-tieni rebħa għalih f’dan l-istaġun u r-raba’ doppjetta għal Mercedes minn daqstant tlielaq f’dan l-istaġun.
Sebastian Vettel ta’ Ferrari kompla l-podju bit-tielet post segwit minn Max Verstappen ta’ Red Bull. Charles Leclerc kiseb punt żejjed wara li daħal jibdel it-tyres biex ikunu aktar friski u għamel l-aħjar ħin tat-tellieqa f’ħin ta’ 1:43.009. Sergio Perez temm fis-sitt post fuq Racing Point segwit minn Carlos Sainz u Lando Norris ta’ McLaren, Lance Stroll ta’ Racing Point u Kimi Raikkonen ta’ Alfa Romeo.
B’din ir-rebħa, Bottas qabeż fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa b’87 punt, punt aktar minn Hamilton. Warajhom jinsab Sebastian Vettel ta’ Ferrari bi 52 punt, wieħed aktar minn Max Verstappen ta’ Red Bull u ħamsa fuq Charles Leclerc ta’ Ferrari. Il-Grand Prix li jmiss issir fi Spanja fit-12 ta’ Mejju.
//= $special ?>