Lokali Unjoni Ewropea

“Flimkien biss niffaċċjaw b’suċċess l-isfidi ta’ pajjiżna” – Clyde Puli

“Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu se jkun qiegħed ilaqqa’ Kunsill Ġenerali Straordinarju biex japprova l-Programm Elettorali tiegħu għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir fil-25 ta’ Mejju li ġej.

“Dan hu Programm Elettorali li jħares ‘il quddiem u li fih jinkludi wkoll aktar minn erbgħin proposta kif pajjiżna jista’ jiffaċċja b’suċċess l-isfidi li se jkollu quddiemu fil-futur. Il-messaġġ ta’ dan il-Programm Elettorali hu li flimkien biss nistgħu negħlbu dawn l-isfidi u nikkonvertuhom f’opportunitajiet għal pajjiżna.

“Għalhekk f’dan il-Programm Elettorali l-Partit Nazzjonalista qed jinkludi bi prominenza kbira liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-familji, lill-ħaddiema… u dan kollu għaliex jemmen li flimkien bħala pajjiż, bħala Partit Nazzjonalista u bħala poplu Malti u Għawdxi nistgħu negħlbu l-isfidi u nagħmlu minnhom storja ta’ suċċess għalina lkoll.”

Din kienet stqarrija li għamel ma’ il-mument ilbieraħ filgħodu Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li f’intervista dwar il-Kunsill Ġenerali Straordinarju ta’ dalgħodu qal li pajjiżna jinsab lejliet elezzjoni għall-ħatra ta’ Membri Maltin fil-Parlament Ewropew. Din hi Elezzjoni li se ssir fil-25 ta’ Mejju u hu importanti ħafna li l-Maltin u l-Għawdxin jifhmu l-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għaliex illum il-Partit Nazzjonalista jrid li jkompli jibni fuq il-viżjoni li kellu għal pajjiżna biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

“Pajjiżna se jagħlaq ħmistax-il sena membru tal-Unjoni Ewropea iżda l-viżjoni tmur ferm lil hinn minn hemm għaliex anki qabel ma’ pajjiżna sar Pajjiż Indipendenti, l-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier, Missier Malta Indipendenti, kien qal li darna hi l-Ewropa. Imbagħad kellhom ikunu gvernijiet immexxija mill-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, Missier Malta fl-Ewropa, li ħadmu qatigħ biex pajjiżna ssieħeb f’din l-Unjoni kbira.”

Clyde Puli kompla li l-missjoni tal-Partit Nazzjonalista hi waħda ċara daqs il-kristall – irid biss l-aqwa u l-aħjar għal Malta u l-Maltin kollha. “Iżda dawn il-kisbiet jistgħu jsiru biss jekk flimkien naħdmu u niġbdu ħabel wieħed biex hekk l-isfidi li pajjiżna u l-poplu Malti se jkun qed jiffaċċja fis-snin li ġejjin, jibdilhom f’opportunitajiet sbieħ u pożittivi għalih.”

Hawnhekk tkellimna dwar il-proposti – 43 b’kollox – li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq f’dan il-Programm Elettorali u Clyde Puli qal li wieħed mill-kapitli f’dan il-Programm Elettorali hu dak dwar il-ħtieġa li jkollna soċjetà li jimpurtaha.

Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq għadd ta’ proposti u qed jgħid li l-Membri Parlamentari Ewropej li se jiġu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista, fost l-oħrajn, se jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa biex:

  • Id-dritt tal-ħajja ta’ kull persuna mill-konċepiment sal-mewt, jibqa’ jigi rispettat u protett mingħajr xkiel.
  • Jiġu eliminati l-inġustizzji u l-anomaliji fil-pensjonijiet biex kulħadd ikollu pensjoni adegwata.
  • Jipprovdu opportunitajiet iktar trasparenti u effettivi li jgħinu l-konsumatur jagħmel ilmenti kontra monopolji tal-Istat u kontra prattiċi li jżidu l-prezzijiet b’mod inġust.
  • Jissieltu kontra kull tip ta’ inġustizzja u faqar li qed jolqot familji, anzjani, ħaddiema u żgħażagħ.
  • Iwaqqfu l-waqgħa ’l isfel fil-kejl internazzjonali fl-ugwaljanza tal-mara, biex il-mara ssib postha f’kull livell tas-soċjetà.

Clyde Puli qal li kapitlu ieħor f’dan il-Programm Elettorali jitratta l-importanza ta’ xogħol aħjar, pagi deċenti u edukazzjoni ta’ kwalità.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward huma ċari ħafna u jaħsbu biex il-Membri Parlamentari Ewropej li se jiġu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista  jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa biex:

  • Iservu ta’ ambaxxaturi ekonomici ta’ pajjizna u jahdmu biex igibu oqsma ekonomici godda u ta’ valur mizjud li ma’ jkunux mibnija fuq ic-cheap labour.
  • Jesiġu li titwettaq id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn Xogħol u Ħajja (Directive on Work-life Balance) għal ġenituri u carers.
  • Jaħdmu għal aktar kundizzjonijiet tajbin fil-postijiet tax-xogħol, inkluż l-ambjent u s-saħħa tal-ħaddiema u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali bħal-leave għall-ġenituri.
  • Jistinkaw biex jeliminaw l-ostakli preżenti li qed iżommu ħafna negozji Maltin u Għawdxin milli jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ bejgħ online.
  • Tigi indirizzata l-kompetizzjoni ngusta li qed jiffacjaw operaturi Maltin u Ghawdxin minn operaturi barranin li jahdmu f’Malta minghajr ma’ jkunu compliant mall-ligijiet u r-regoli lokali
  • Ikun hemm promozzjoni tal-prodott agrikolu Malti kompatibbli mar- regoli tal-UE bl-appoġġ tal-Gvern.
  • Iċ-ċittadini tagħna, specjalment dawk żgħażagħ, jibbenefikaw aktar mill-programm Erasmus li issa qed jespandi biex ikopri lil hinn mill-università – sa mill-iskola primarja għal dik sekondarja u għal apprendistati u esperjenzi ta’ xogħol.
  • Jiżdiedu l-fondi, il-programmi u l-opportunitajiet għar-riċerka.
  • Jiġu indirizzati l-iskills gap fis-setturi tas-servizzi, gaming u blockchain billi tinkiseb għajnuna Ewropea għal taħriġ speċjalizzat direttament fl-industrija.

Clyde Puli qal li kapitlu ieħor f’dan il-Programm Elettorali hu dwar is-saħħa għal kulħadd u hawnhekk iressaq għadd ta’ proposti importanti biex il-Membri Parlamentari Ewropej li se jiġu eletti f’isem il-PN se jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa jaħdmu biex:

  • Il-pazjenti madwar l-UE jkollhom aċċess għal kura affordabbli, ta’ kwalità u f’qasir żmien, mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-abilità tagħhom li jħallsu. Trattament mediku għandu jkun disponibbli f’kull parti tal-UE.
  • Ikun hemm skambju ta’ informazzjoni bejn l-istati membri biex jindirizzaw sfidi fil-qasam tas-saħħa li jinkludu l-użu ta’ reġistri tal-kanċer u tad-dijabete, kif ukoll skambji ta’ prattici tajbin fil-qasma tas-sahha mentali. Dan jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet konkreti f’termini ta’ prevenzjoni, riċerka u kura.
  • Ikunu aġġornati policies fil-qasam tas-saħħa fosthom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-iscreening tal-kanċer imħejji fl-2003 biex possibbilment jinkludu forom oħra tal-kanċer u biex jirrifletti għarfien ġdid fil-qasam tas-saħħa.
  • Isir investiment akbar fil-qasam tar-riċerka fuq il-kanċer b’mod speċjali dak li jolqot lit-tfal u li dan il-qasam jitqies bħala prijorità.
  • Isir investiment akbar fl-ehealth u jitjieb l-aċċess għal servizzi diġitali sikuri u tal-ogħla kwalità fil-qasam tas-saħħa u li jippermettu kura aktar innovattiva.
  • Jimbuttaw inizjattivi li jikkumbattu l-frodi alimentari (food fraud) u li jsaħħu s-sigurtà tal-ikel li nikkunsmaw.
  • L-iskema tat-tqassim tal-frott u ħaxix fl-iskejjel tkun implimentata fil-ħin u jkun assigurat li skont l-istess linji gwida tal-iskema dawn ikunu friski u tal-istaġun.

Clyde Puli kompla li mbagħad kapitlu ieħor importanti ħafna hu dak li jirrigwarda li jkollna ambjent san għal kwalità ta’ ħajja aħjar. F’dan ir-rigward il-Membri Parlamentari Ewropej li se jiġu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa biex:

  • Jaraw li pajjiżna ma jibqax jaqa’ lura mil-livelli ambjentali maqbula mill-Unjoni Ewropea biex kulħadd ikun jista’ jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.
  • Tingħata attenzjoni speċjali biex titjieb u tissaħħaħ il-politika tal-immaniġġjar tal-iskart u ta’ riċiklaġġ, speċjalment b’inċentivi b’saħħithom għall-eliminazzjoni ta’ plastik li jintuża darba (single use plastic).
  • Isir l-aħjar użu mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, inkluż programmi ġodda bħal InvestEU għal proġetti li għandha bżonn Malta fis-snin li ġejjin, inkluż għal sistemi ta’ trasport alternattivi inkluż sistemi ta’ trasport tal-massa. 
  • Ikollna Ewropa carbon neutral sas-sena 2045 bl-iskop li nillimitaw is-sħana tad-dinja għal 2 ċentigradi Ċelsju.
  • Ikunu proattivi favur politika u programmi li jħarsu l-annimali.
  • Jaħdmu biex ikun hemm inċentivi u għajnuniet lill-bdiewa biex ikun vijabbli għalihom li jużaw mezzi organiċi u alternattivi għall-uċuħ tagħhom, flok pestiċidi, insettiċidi u fungiċidi tradizzjonali biex b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ kimiċi li jagħmlu ħsara lill-klima tagħna mill-arja.
  • Jagħtu l-appoġġ tagħhom biex jiżdiedu l-programmi u l-inizjattivi għal iktar tħawwil ta’ siġar.
  • Jassiguraw li l-Gvern Malti li jkun hemm allokazzjoni perċentwali mill-Fondi Ewropej stabbilita direttament għal Għawdex għal dan il-għan, filwaqt li jibqgħu jinsistu li Għawdex jiġi kkunsidrat mill-Gvern bħala Gżira Reġjun.

Clyde Puli tkellem ukoll dwar il-kapitlu dwar is-sigurtà nazzjonali u immigrazzjoni u qal li l-Membri Parlamentari Ewropej li se jiġu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa biex:

  • Jiżguraw is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jsir billi jiġu implimentati minnufih il-miżuri tar-rapport dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta, b’mod speċjali l-obbligazzjoni li jiżdiedu 10,000 gwardji tal-fruntiera biex insaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni Ewropej.
  • Inkunu ġusti ma’ dawk li jixirqilhom protezzjoni, sodi ma’ dawk li mhumiex eliġibbli jew li qed jippruvaw jiksru r-regoli u ħorox ma’ dawk li qed jinqdew minn nies li huma vulnerabbli. Kull min mhuwiex eliġibbli għall-protezzjoni għandu jintbagħat lura mingħajr dewmien.
  • Jiżguraw li l-persuni li m’humiex eliġibbli għal protezzjoni jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom minnufih f’koperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta. L-Unjoni Ewropea għandha tinnegozja aktar qbil ta’ riammissjoni sabiex dawn ir-ritorn ikunu jistgħu jseħħu.
  • Se jaħdmu wkoll biex ikun hemm solidarjetà tanġibbli bejn l-Istati Membri mal-pajjiżi fil-fruntieri esterni bħal Malta u Għawdex, solidarjetà li għandha wkoll tieħu l-forma ta’ rilokazzjoni obbligatorja tal-immigranti minn pajjiżna lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
  • Jinsistu li l-UE, bi ftehim mal-pajjiżi konċernati, tiftaħ ċentri ta’ akkoljenza fil- pajjizi vicin barra l-Unjoni Ewropea, operati flimkien ma’ organi internazzjonali bħal UNHCR li jipproċessaw applikazzjonijiet għal ażil. Din u miżuri oħra għandhom iwasslu biex l-immigranti ma jibqgħux jirriskjaw ħajjithom fuq il-baħar.
  • Inħarsu ’l quddiem lejn soluzzjonijiet aktar fit-tul. B’mod speċjali se naħdmu biex jiġu allokati aktar fondi għall-proġetti mmirati fil-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti, l-hekk imsejjaħ Marshall Plan għall-Afrika. Dan biex jiżdiedu l-opportunitajiet ekonomiċi f’dawn il-pajjiżi ħalli jkun hemm inqas nies li jiddeċiedu li jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa.
  • Nimbuttaw il-Gvern jintroduċi pjan serju u ffinanzjat anke b’fondi tal-UE biex jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ħaddiema barranin li jiġu Malta għal perjodi twal ta’ żmien b’sistemi ta’ taħriġ li jwasslu biex dawn il-ħaddiema jkollhom għarfien bażiku tal-lingwa, il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-użanzi Maltin.

Clyde Puli qal li kapitlu ieħor ferm importanti f’dan il-Programm Elettorali hu dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem. Anki hawnhekk il-Partit Nazzjonalista qed iressaq għadd ta’ proposti importanti u l-Membri Parlamentari Ewropej li se jiġu eletti f’isem il-PN se jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa jridu jassiguraw li:

  • Tissaħħaħ id-demokrazija f’Malta b’rispett sħiħ fil-prattika għas-saltna tad-dritt, b’istituzzjonijiet indipendenti u imparzjali li jassiguraw kontabilità u trasparenza minn kull politiku u minn kull min hu fdat b’xi tmexxija pubblika.
  • Pajjiżna jikseb mill-ġdid fama tajba u fiduċja, sisien essenzjali għall-progress tal-oqsma ewlenin tal-ekonomija tagħna li jkattru l-ġid u x-xogħol
  • Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jkunu garantiti b’mod effettiv għal kwalunkwe persuna, mezz ta’ komunikazzjoni u għas-soċjetà ċivili kollha
  • Jappoġġjaw il-libertà tal-midja fl-Ewropa kollha, speċjalment fejn tidħol il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv.
  • Jesiġu li l-UE tgħaddi liġijiet meħtieġa li jirregolaw l-abbuż kontra ġurnalisti u kumpaniji tal-media b’kawżi fi qrati barranin (SLAPP). Dan l-abbuż hu maħsub li jsikket il-media billi joħloq pressjoni u deterrent kontra ġurnaliżmu investigattiv.
  • Insahhu l-glieda kontra l-fake news b’incentivi ghal gurnalizmu ta’ kwalita u assitenza ghal fact checking.
  • Jinsistu li jitwaqqaf organu fuq livell Ewropew li jagixxi bhala ‘financial Intelligence’ biex jinvestiga  kazijiet ta’ hasil ta flus u uzu hazin ta’ fondi Ewropej

Wara li ta ħarsa dettaljata lejn dawn l-43 proposta li se jkun qed iressaq dalgħodu l-Partit Nazzjonalista quddiem il-Kunsillieri tiegħu, Clyde Puli fisser li “fil-25 ta’ Mejju li ġej se nivvotaw biex neleġġu s-sitt Membri Parlamentari Maltin għall-Parlament Ewropew fl-istess waqt li qed infakkru l-ħmistax-il sena minn meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea.”

Hu kompla li “ħmistax-il sena ilu sirna membri tal-Unjoni Ewropea grazzi għad-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ħoloq viżjoni u fassal pjan fit-tul għal Malta. Is-sħubija ġabet magħha allokazzjoni ta’ €2.5 biljun f’fondi li ssarrfu fi proġetti li naraw kull fejn inħarsu madwarna u li mmodernizzaw lil pajjiżna. Li kien ghal l-Partit Laburista, Malta la dahlet fl-Unjoni Ewropea u wisq anqas ibbenefikat minn dawn il-fondi.

“Bħala membri parlamentari Ewropej aħna sirna parti ugwali minn proġett politiku ambizzjuż u ksibna siġġu mal-mejda tad-deċiżjonijiet. Il-Membri Parlamentari tagħna jridu jkomplu jaħdmu dwar kwistjonijiet li jolqtuna direttament, fosthom l-immigrazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, is-sigurtà u s-saħħa.”

Clyde Puli temm li “d-dħul fl-Ewropa kien pass għaqli li saħħaħ ir-riżorsa Maltija u firex baħar ta’ opportunitajiet quddiem il-ħaddiema, studenti, professjonisti u negozjanti tagħna. F’dawn is-snin urejna lil sħabna fil-Parlament Ewropew li l-Maltin u l-Għawdxin jgħożżu l-valuri Ewropej tal-libertà, is-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Tkellimna favur is-sisien li fuqhom huwa mibni l-poplu tagħna u għidna b’vuċi soda li l-familji u n-negozji ta’ pajjiżna jaġixxu b’mod onest.”