Futbol Sport

Gudja jiċċelebraw il-promozzjoni għall-Kampjonat Premier b’rebħa mqanżħa

(Ritratt: Joseph Galea)

MQABBA ……….….. 1 GUDJA UNITED ………..……. 2

Mqabba: C. Abdilla, L. Farrugia, R. Da Silva Gomes, A. Ferreira, B. Grech, L. Meli, D. Azzopardi, F. Gusman, C. Cutajar (G. Micallef 53’), N. Micallef, L. Suma (J.C. Martins 53’).

Gudja U: J. Debono (M. Xerxen 70’), L. Martinelli, J. Bondin, A. Mizzi, F. Aboulezz, S. Diacono, J. Lima Siqueira, J. Farrugia, L. Cremona, A. Marshall, R. Kooh Sohna(D. Santos Da Hora 76’).

Referee: Paul Toledo

Gudja ċċelebraw il-promozzjoni għall-Kampjonat Premier b’rebħa mqanżħa kontra Mqabba, rebħa li nkisbet grazzi għal free-kick mill-isbaħ skorjat minn Jackson Lima għaxar minuti mit-tmiem. Kienet logħba pjuttost kwieta bit-tim ta’ Gudja jkun aħjar fl-ewwel taqsima iżda Mqabba wettqu reazzjoni tajba fit-tieni parti. Issa Gudja jridu jibdew jikkonċentraw fuq il-Kampjonat Premier, fejn bla dubju l-qabża hi waħda kbira u Gudja iridu bħal kull tim li jitla’ jsaħħu sostanzjalment l-iskwadra.

Gudja ddominaw l-ewwel taqsima bit-tim ta’ Mqabba kostrett jiddefendi għal ħinijiet twal. Minkejja dan l-azzjonijiet ta’ skor maħluqa minn Gudja kienu ftit. Wara ħdax-il minuta xutt ta’ Jackson Lima mar ftit barra u Gudja fetħu l-iskor fid-39 minuta meta RAPHAEL KOOH SOHNA skorja b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa.

Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima azzjoni ta’ Aboulezz li qassam lejn Diacono iżda x-xutt tiegħu mar ftit barra. Gudja komplew jinsistu u xutt ta’ Marshall kien salvat b’diffikultà minn Abdilla. Fid-69 minuta azzjoni ta’ Ferreira li twaqqa’ appena daħal fil-kaxxa u mill-ħdax-il metru kien l-istess FERRIERA li skorja b’xutt fil-baxx. Mqabba issa bdew jilagħbu aħjar iżda kienu maħsuda għaxar minuti mit-tmiem meta JACKSON LIMA skorja ġmiel ta’ gowl direttament minn free-kick.