“Il-ħatriet ta’ nofs din il-ġimgħa ta’ membri ġodda fil-Bank tal-Ġudikatura huma messaġġ ieħor dirett mill-Gvern li qed jissokta jimmanuvra biex jaħtaf ukoll taħt idejh il-Qrati tal-Ġustizzja.
“Mill-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin – fejn il-Gvern diġà ħataf istituzzjonijiet bħall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Korp tal-Pulizija, l-Armata, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjari u diversi oħrajn, issa kollox jindika li l-Gvern se jkompli jiffoka biex jaħtaf ukoll taħt idejh lill-Qrati tal-Ġustizzja.
“Diġà fix-xhur u s-snin li għaddew il-Gvern wera l-intenzjonijiet tiegħu bl-aktar mod ċar u issa kollox juri li dawn il-manuvri se jkomplu għaddejjin. Għaliex kieku l-Gvern irid li l-affarijiet isiru sew jimxi ma’ dak diskussi fil-Kummissjoni Venezja u wkoll jitkellem mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatriet li jkun hemm meħtieġa li jsiru.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument Avukat ta’ esperjenza twila li iżda ma xtaqniex li nuru ismu minħabba li fil-qadi tad-doveri tiegħu se jkun qed jaqdi s-servizzi tiegħu bħala Avukat quddiem dawn l-Imħallfin u l-Maġistrati ġodda.
Hu għamilha ċara li hu ma għandu personalment xejn kontra xi wieħed jew waħda minn dawn l-Imħallfin jew Maġistrati ġodda. “Iżda l-Gvern qed jaqbeż kull limitu ta’ deċenza. Hemm il-Kummissjoni Venezja li jingħad li sar ħafna xogħol fiha… imbagħad jiġi l-Gvern u flok jattwa dak li jkun sar fi ħdanha, iwettaq il-pjani ta’ moħħu mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd… anqas mal-Oppożizzjoni.”
Dan l-Avukat Anzjan staqsa: “Mela f’ġieħ is-sewwa għalfejn twaqqfet din il-Kummissjoni Venezja? Biex joqogħdu jieħdu l-kafè u l-gallettini u jgħaddu ftit tal-ħin fil-kumpanija ta’ xulxin?
Jekk il-Gvern jemmen tassew fix-xogħol li qed twettaq din il-Kummissjoni Venezja, allura għaliex ma jattwax dak rakkomandat minnha, iżda minn fuq jibqa’ għaddej bil-ħatriet li bihom qed jimxi aktar mal-pjani ta’ moħħu”.
Is-sors fl-Avukatura ta’ il-mument qal li “anki fil-ħatriet għal Imħallef hemm min qabeż lil bosta kollegi oħrajn. U dan bl-aktar mod sfaċċat. Imbagħad hemm min twarrab minn Maġistrat għaliex il-Gvern hekk dehrlu li aħjar għalih. Imma hekk sew?
Ma sar hemm l-ebda osservazzjoni ta’ anzjanità fis-servizz. Bħal donnu l-Gvern qed juża dawn il-ħatriet biex jippremja lil ċerti nies viċin tiegħu. Dan hu metodu mill-aktar perikoluż ta’ kif qed isiru l-affarijiet.”
Hu kompla li fir-rigward tal-ħatriet ta’ Maġistrati diġà ngħad ħafna fil-ġimgħat li għaddew. “Jekk nillimita biss għal waħda mill-ħatriet ikolli ngħid li din saret kontra kull sens komun. Saret allura bi sfida? Kif jista’ jkollok Avukat li jaqla’ ċamata waħda wara oħra minn Maġistrati differenti, iżda mbagħad xorta waħda tinħatar fil-Bord tal-Maġistrati?
Aktar u aktar ukoll meta missier din il-Maġistrat – allura qed nirriferi għall-Avukat Pawlu Lia li hu l-Avukat tal-Prim Ministru u tal-Partit Laburista – hu membru fil-Bord tad-Dixxiplina tal-istess Qrati tal-Ġustizzja. Imma dan x’ġenn hu?”
Is-sors ta’ il-mument temm jistaqsi jekk ikunx korrett jekk illum aktar minn qatt qabel jgħid li l-Kummissjoni Venezja qegħda hemm biss bħala eżerċizzju tal-Gvern biex jilgħab għal aktar żmien sakemm jilħaq jagħmel u jappunta aktar Imħallfin u Maġistrati skont l-għażliet esklussivi tiegħu.
Ħadd m’għandu jinsa li ħatra ta’ Maġistrat jew Imħallef għandha impatt ta’ madwar tletin sena sakemm j/tiġi sal-età tal-irtirar.”
Il-ħatriet li għamel din il-ġimgħa l-Gvern huma dawk ta’ Francesco Depasquale, AaronBugeja u Joanne Vella Cuschieri li nħatru Mħallfin ġodda, u Nadine Lia, Bridget Sultana u Victor Axiak li saru Maġistrati ġodda.
Fiċ-ċerimonja tal-Ħamis li għadda li saret fil-Palazz tal-President, il-President George Vella appella lill-Gvern biex ifassal u jimplimenta l-miżuri li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura kif irrakkomandat mill-Kummissjoni Venezja.
Kumment ieħor sar minn Adrian Delia, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġudikatura, li enfasizza li l-Gvern għamel dawn il-ħatriet mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, u qabel ma wettaq ir-riformi rakkomondati mill-Kummissjoni Venezja.
B’hekk il-Gvern wera li mhux vera jrid li l-Ġudikatura tkun indipendenti u imparzjali iżda jrid li jibqa’ jkollu kontroll assolut fuq min jiġi maħtur għall-interessi partiġġjani.
//= $special ?>