Il-Gvern, tramite Infrastructure Malta, talab lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex qabel ma jinbdew xogħlijiet ta’ toroq fil-lokalità, iħallas bil-quddiem… din hi xi ħaġa li tkun kompletament kontra l-prassi wżata s-soltu fis-sistema finanzjarja tal-Gvern.
Jirriżulta li l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, kien ilu għal dawn l-aħħar sena u nofs jiġri wara kuntratturi biex isir xogħol fuq numru ta’ toroq li kienu u huma fi stat ħażin.
Ir-risposta mingħand dawn il-kuntratturi kienet dejjem li kienu okkupati b’xogħol minn Transport Malta, u sussegwentement minn Infrastructure Malta. Dan kien ifisser li dawn il-kuntratturi ma kenux disposti u disponibbli biex isiru dawn ix-xogħlijiet riskesti mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar biex itejjeb il-kundizzjoni tal-għajxien tar-residenti fl-istess lokalità.
Ġara li fl-aħħar jiem il-Gvern alloka numru ta’ kuntratturi biex dak ix-xogħol li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien ilu qatigħ jitlob li jsir, jinbeda proprju issa u jitlesta sa qabel l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali, ċioè qabel il-25 ta’ Mejju li ġej.
B’diżonestà u bla preċedent u kontra kull prassi fir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern, il-Gvern permezz ta’ Infrastructure Malta f’korrispondenza uffiċjali bejn l-istess entità u l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, talab lill-Kunsill Lokali biex bil-quddiem iħallas is-somma ta’ aktar minn miljun ewro bħala ħlas bil-quddiem qabel jinbdew dawn l-istess xogħlijiet li jikkonċernaw sittax-il triq f’din il-lokalità.
Filwaqt li l-Kunisll Lokali San Pawl il-Baħar oġġezzjona bil-qawwa kollha li joħroġ din is-somma qawwija ta’ flus fil-quddiem, uffiċjal għoli ta’ Transport Malta nsista li ma kien se jinbeda l-ebda xogħol u ma kienu se jkunu allokati l-ebda kuntraturi għal dawn ix-xogħlijiet f’San Pawl il-Baħar, jekk tal-inqas l-istess Kunsill Lokali ma jgħaddix man-nofs miljun ewro fil-kont bankarju ta’ Infrastructure Malta .
Dan kollu jmur serjament kontra l-prassi s-soltu wżata minħabba li x-xogħlijiet li jsiru jitħallsu dejjem wara li jkunu ċċertifikati li saru tajjeb. Ikun hemmhekk li mbagħad il-Kunsill joħroġ il-flus fi ħlas għax-xogħlijiet li jkunu saru fil-lokalità.
Dan hu abbuż serju ta’ poter għaliex ir-regolamenti juru bl-aktar mod kuntrarju.
Fl-isfond ta’ dan kollu hu interessanti l-fatt li Frederick Azzopardi, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Infrastructure Malta, f’korrispondenza uffiċjali qal li: “We will tart with the first batch and stop once we reach the 500K Euro to discuss further”.
Sadattant il-Ministru Ian Borg, bl-ardita kollha, joħroġ stqarrija għall-media u sussegwentement f’konferenza tal-aħbarijiet u jgħid li dan ix-xogħol qed isiru minn Infrastructure Malta u fl-ebda ħin ma jindika li dan ix-xogħol qed jitħallas mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Dwar dan kollu il-mument tkellem ma’ Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali u l-Fondi Ewropej, li qal li tajjeb li jingħad li filwaqt li dan il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista ħa t-tmexxija tal-Kunsill mingħand Kunsill Soċjalista mifni bid-dejn li kien ġie akkumulat matul is-snin ta’ qabel.
Minkejja t-tfixkil intenzjonat minn numru ta’ Kunsillieri f’isem il-Partit Soċjalista, it-Tmexxija attwali tal-Kunsill Lokali rnexxielha tegħleb dak id-dejn. Dan kien proċess li kien inbeda b’suċċess fi żmien l-eks Sindku Graziella Galea u ssokta wkoll b’suċċess fi żmien is-Sindku attwali Anna Fenech.
Robert Cutajar efasizza li hi diżonestà li xi ħadd jipprova jagħti l-impressjoni li dan ix-xogħol qiegħed ikun iffinanzjat mill-Gvern meta fil-verità dawn huma fondi tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, liema fondi qed jintużaw biex jitranġaw daqstant toroq f’din il-lokalità.
Din hi t-tieni darba li l-Gvern ipprova jitla’ fuq il-karru tal-Kunsill meta f’sitwazzjoni oħra dakinhar dwar kampanja ta’ tindif madwar il-lokalità, il-Gvern ipprova jirkeb il-karru tal-Kunsill biex jieħu l-mertu hu meta effettivament kien il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien ħareġ is-somma ta’ aktar minn €150,000 biex flimkien mal-Gvern saret tindifa ġenerali f’din il-lokalità.
Ta’ min ifakkar ukoll li filwaqt li r-residenti f’San Pawl il-Baħar b’ġustifikazzjoni jikkritikaw in-nuqqas ta’ dixxiplina f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġbir tal-iskart, il-Gvern ħa minn idejn il-Kunsilli Lokali l-infurzar u allura l-Kunsill itteħditlu din l-għodda ewlenija biex ikun jista’ jindokara u jħares li dan ix-xogħol isir sew biex kemm-il darba ma jsir hekk allura jkun f’pożizzjoni li jieħu passi kontra min jabbuża.
Il-Gvern, kompla Robert Cutajar, f’kull okkażjoni li jkollu qed jitfa’ dan it-tort ta’ ħmieġ fil-lokalità fuq il-Kunsill Lokali San Pawlil-Baħar.
Dan juri biċ-ċar li filwaqt li l-Gvern illum jitkellem u jagħti l-impressjoni li hu favur il-Kunsilli Lokali, il-verità hi li bl-azzjonijiet tiegħu l-Gvern qed ikompli jnaqqar mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali u, allura effettivament bil-fatti, m’hux veru jemmen fit-tisħiħ tal-istess Kunsilli Lokali.
Robert Cutajar temm li tajjeb li jingħad li meta fil-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar waqt il-laqgħat kienu jkunu diskussi inizjattivi u proġetti dwar toroq u oħrajn, b’mod intenzjonat Kunsillieri Soċjalisti kienu jitilqu ‘l barra minn dawn il-laqgħat biex hekk ma jkunx hemm quorum u l-laqgħat jintemmu ħesrem bir-riżultat li tali deċiżjonijiet għall-ġid tal-lokalità ma jkunux jistgħu jittieħdu.
//= $special ?>