Lokali

“In-nies għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika” – Manfred Weber

“In-nies għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika. L-għaxar prijoritajiet tiegħi se jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ kull individwu Ewropew, fosthom ukoll il-Maltin.”

Sostna dan il-kandidat tal-PPE għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u ċ-Chairman tal-istess PPE Manfred Weber fejn matul il-ġurnata tal-Ħadd ħa sehem f’diversi attivitajiet ambjentali madwar Malta, kif ukoll kellu laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Waqt din il-laqgħa Adrian Delia u Manfred Weber, tkellmu dwar kemm l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ taħdem għal kull individwu madwar il-kontinent kollu. Hemm bżonn li l-Maltin ikunu mgħarrfa aktar dwar kemm l-Unjoni Ewropea tista’ tkun ta’ benefiċċju għalihom.

Adrian Delia saħaq li bħala pajjiż għandna nkunu ffukati fuq il-problemi li qed taffaċċja Malta, li jistgħu jkunu wkoll issues li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea. Il-Partit Popolari Ewropew hu dak il-partit li se jitratta l-bżonnijiet ta’ kull indivdmu Ewropew kif ukoll tal-Maltin.

Min-naħa tiegħu Weber sostna li għalkemm Malta hi l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea, xorta għandha ħtiġijiet daqs kull pajjiż ieħor membru. Tkellem dwar il-problema tal-immigrazzjoni, fejn tenna li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn taħdem aktar għax bħalissa qisha għadha mhux lesta tieħu l-passi meħtieġa.

Il-ġurnata ta’ Manfred Weber bdiet b’tindif fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Hemm, hu ntlaqa’ minn grupp ta’ żgħażagħ, li ħadu l-okkażjoni jitkellmu miegħu għal xi ħin. Huma wrew it-tħassib tagħhom dwar l-isfidi ambjentali li qed jaffaċċja pajjiżna, fosthom fil-bliet u l-irħula tagħna. Weber sostna li kulħadd għandu jagħmel l-almu tiegħu biex Malta tkun pajjiż aktar nadif. Wara huma rħewla lejn il-Bajja, fejn ġabru l-iskart u l-plastik li kien hemm.

Fi Ġnien FX Ebejer fis-Swieqi, Manfred Weber intlaqa’ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u mis-Sindku tal-lokal Noel Muscat. Preżenti wkoll diversi Kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Manfred Weber u Adrian Delia ħawlu żewġ siġriet f’dan il-ġnien, fejn il-Kunsill Lokali għamel tisbiħ varju fih.

Wara, flimkien mas-Sindku u mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, iċ-Chairman tal-PPE kellu l-okkażjoni li jdur madwar is-Swieqi u ltaqa’ ma’ diversi residenti.