Lokali

Irridu Ewropa ta’ kompromess, mhux Ewropa egoista – Manfred Weber waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN

L-esperjenza dejjem uriet li meta naħdmu flimkien, nistgħu niksbu r-riżultati. Għalhekk flimkien nistgħu nibdew kapitlu ġdid biex nagħtu futur sabiħ lill-Ewropa. Dan qalu ċ-chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew u kandidat ewlieni tal-Partit Popolari Ewropew għal President tal-Kummissjoni Ewropea waqt li ndirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. 

“Nistgħu naħdmu flimkien, il-Partit Popolari Ewropew u l-Partit Nazzjonalista. Ejja nagħtu lil Malta u lilll-Ewropa lura lin-nies. Kunu kburin li intom Maltin u Ewropej. Id-direzzjoni tagħna hi ċara: ma rridux aktar biża’ imma tama, ma rridux egoiżmu imma d-djalogu u l-kompromess, ma rridux populiżmu imma futur komuni Ewropew.”

Hu faħħar ir-rwol tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li waqt is-summits tal-Partit Popolari Ewropew dejjem jiddefendi lil Malta u lill-poplu Malti u Għawdxi. “Malta hi pajjiż kbir imma għandha impatt kbir fl-Ewropa, u dan hu grazzi wkoll għas-sħubija fil-Partit Popolari Ewropew,” qal Manfred Weber, li sostna li l-Ewropa mhix tal-pajjiżi kbar jew żgħar, imma Ewropa magħquda.

Manfred Weber qal li flimkien irridu noħolqu Ewropa b’saħħitha li twassal biex titwaqqaf l-immigrazzjoni llegali. “Aħna nemmnu fis-solidarjetà, imma ma nistgħux inħallu lit-traffikanti jikkontrollaw,” qal Weber. Hu sostna li jrid isir aktar effiċjenti l-proċess biex dawk li ma jiġux aċċettati għall-ażil jintbagħtu lura. 

Fid-diskors tiegħu, Manfred Weber semma proposti oħrajn li għandu li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, bħall-ġlieda kontra l-kanċer, l-impenn li tkun indirizzata l-bidla fil-klima, li jkun projbit l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss, kif ukoll self għaż-żgħażagħ biex jibnu djarhom.

Hu semma wkoll l-importanza tal-bdiewa għall-Partit Popolari Ewropew, li se jibqa’ jinsisti għall-fondi għall-bdiewa. “Aħna għandna nkunu kburin bl-istorja Kristjana tagħna, u rridu niddistingwixxu lilna nfusna bħala Ewropej Kristjani,” qal Weber, filwaqt li sostna li hu jemmen f’Ewropa fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod demokratiku, bid-deċiżjonijiet jittieħdu minn nies eletti mill-popli.

Hu qal ukoll li fil-pjan tiegħu għal meta jsir President tal-Kummissjoni Ewropea hemm l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu dwar is-saltna tad-dritt, li jiddefendi d-demokrazija, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-midja. “Anke f’Malta hawn tħassib dwar dan, u rridu nindirizzawh,” qal Weber. Hu sostna li għalhekk iridu organu indipendenti li jara x’qed jiġri f’kull stat membru, nkluż Malta.