Waqt il-Kunsill Ġenerali Straordinarju li tlaqqa’ l-Ħadd filgħodu, il-PN approva l-Programm Elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
F’din is-sessjoni, li infetħet mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, spikkaw id-diskors li għamlu l-10 kandidati tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej tal-25 ta’ Mejju li ġej.
Kien il-kandidati Peter Agius li fetaħ id-diskorsi tal-kelliema fejn saħaq li l-Membri Parlamentari Ewropej li ser jintgħażlu jridu jagħmlu ġieħ lil pajjiżna, li jpoġġu l-Gvern preżenti taħt skrutinju u mhux jgħattulu xawwatu. Huwa saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi jistenna biss l-aqwa mingħand il-Partit Nazzjonalista.
Issegwi kien hemm il-kandidata Roslyn Borg Knight fejn xandret messaġġ ta’ tama u kuraġġ hekk kif saħqet li fil-mumenti diffiċli għandek twettaq l-għalmu kollu tiegħek. Minkejja li l-Partit Nazzjonlista mhux għaddej minn żminijiet faċli, Roslyn Borg Knight insistiet li bis-saħħa tal-partitarji u mhux biss ser naraw riżultati pożittivi.
Il-kandidat Nazzjonalista Dione Borg sostna li nhar il-25 ta’ Mejju l-pajjiż irid jieħu deċiżjoni fundamentali dwar fuq xiex irid jibni s-soċjetà – jew fuq il-korruzzjoni, jew fuq dak li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri l-libertà u x-xogħol.
Il-kandidat għal Parlament Ewropew Michael Birguglio insista li Malta mhux għal bejgħ. Huwa saħaq li ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista għax xaba’ mill-Gvern Soċjalista u appella lil dawk il-persuni li jinsab ċert li għejjew jaraw lil pajjiżhom jinbiegħ biċ-ċiċri u l-pajjiż jimtela’ bil-konkos. Huwa saħaq li pajjiżna jeħtieġlu politika viċin in-nies dejjem u mhux waqt l-elezzjoni biss.
Tkellem ukoll il-kandidat u Membru tal-Parlament Ewropew David Casa hekk kif sostna li pajjiżna mhux biss Konrad Mizzi jew Joseph Muscat iżda kull Malti u Għawdxi. Huwa saħaq li għal Partit Nazzjonalista l-libertà tiġi l-ewwel u qabel kollox u għalhekk hemm bżonn ta’ Maltin fl-Ewropa li jiddefendu lill-ġurnalisti ħielsa u mhux lil dawk imċappsa bid-dell tal-korruzzjoni. David Casa għalhekk insista li jekk Joseph Muscat għandu fil-mira li jkollu kariga fil-Parlament Ewropew, huwa ser jiqaflu.
Il-kandidat Michael Mercieca faħħar bla heda lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn ddeskrivieh bħala bniedem li ma jieqaf jaħdem qatt u jwassal il-kuraġġ biex il-ħidma tkompli. Huwa insista li l-partitarji u kandidati għandhom joħorġu minn djarhom sabiex ikunu l-mikrofonu tal-Partit Nazzjonalista.
Issegwi kien hemm il-kandidata u Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fejn saħqet li l-Partit Nazzjonalista huwa wieħed uniku li jintgħaraf mill-prinċipji tiegħu. Hija saħqet li dan huwa l-partit li ħoloq il-ġejjieni għal pajjiżna, il-partit mhux tal-“għajn għal għajn u sinna għal sinna”, iżda l-partit tal-Unjoni Ewropea. Roberta Metsola spjegat li ser naħdmu sabiex ikollna ġenerazzjoni ġdida li toħloq, tanalizza u tantiċipa l-ġejjieni.
Il-kandidat Nazzjonalista Frank Psaila saħaq li wara l-25 ta’ Mejju ser ikollna 3 snin importanti li jwasluna għall-elezzjoni ġenerali – għaldaqstant l-ewwel sinjal għandu jingħata proprju fl-elezzjonijiet li ġejjin. Huwa saħaq li hemm numru kbir ta’ partitarji Laburisti li għamlu 25 sena jistennew sabiex il-partit tagħhom jitla’ fil-gvern. Madanakollu spiċċaw mwarrba huma wkoll minn dan il-Gvern Soċjalista. Għaldaqstant, minkejja li fis-26 ta’ Mejju l-Partit Soċjalista xorta ser jibqa’ fil-Gvern, jingħata sinjal biex ma jibqax għaddejj b’arroganza minn fuq il-poplu.
Il-Membru Parlamentari u kandidat għall-Elezzjonijiet Ewropej David Stellini saħaq li Għawdex jixraqlu jkun meqjus bħala gżira reġjun. Huwa saħaq ukoll li s-single mothers, li jafu li l-kirjiet żdiedu b’25% jixraqilhom affordable housing. Huwa insista wkoll li l-prinċipju tal-Unjoni Ewropea ‘equal work is equal to equal pay’ ma jgħoddx għal diversi ħaddiema li jaħdmu taħt dan il-Gvern Soċjalista.
Finalment, il-kandidat u Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech saħaq li jeħtieġ parlamentari ewoprej li jiddefendu s-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Huwa rrefera għall-ewwel paġna tal-ġurnal The Sunday Times fejn saħaq li saħansitra d-dekan tal-fakultà tal-liġi ddeskriva is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna bħala l-agħar kriżi kostituzzjonali sa minn mindu pajjiżna ħa l-indipendenza. Huwa insista li l-Partit Soċjalista la għandu l-Unjoni Ewropea f’qalbu u wisq inqas Malta iżda l-unika ħaġa li għandhom f’qalbhom hija buthom.
//= $special ?>
