Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ l-akbar u l-aqwa difensur ta’ dak li jagħmilna Maltin u Ewropej.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’għeluq il-Kunsill Ġenerali Straordinarju, li approva l-Manifest Elettorali tal-Partit għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista ħoloq il-viżjoni Ewropea għal pajjiżna, filwaqt li għall-Gvern Soċjalista, l-Ewropa qatt ma kienet “super favorita” … l-istess bħalma l-Kunsilli Lokali qatt ma kienu “super favoriti”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Soċjalista ħataf l-istituzzjonijiet f’pajjiżna u qed jinjora r-rakkomandazzjonijiet li sarulu minn istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej. Dan b’riskju li nispiċċaw fil-blacklist u b’detriment għall-investiment. Kompla li b’għemilu, il-Gvern kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’theddida għal setturi importanti għall-ekonomija, bħas-settur tas-servizzi finanzjarji.
Adrian Delia qal li kull darba li l-Gvern Soċjalista jiftaħar bis-surplus, ikun qed jinjora l-weġgħat tal-ħaddiema li qed jispiċċaw fil-morsa taċ-cheap labour, tal-middle class li mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u tal-anzjani li l-pensjoni tagħhom ma sservihomx. Qed jinjora wkoll lin-negozji, li qed jaffaccjaw diffikultajiet meta l-Gvern jiffavorixxi lill-ftit magħżula.
Hu qal li l-Partit Soċjalista ffirma l-Manifest tas-Soċjalisti Ewropej, li ma jagħtix garanzija għall-ħajja, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-ħajja u d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa hu ċar li l-kampanja tal-Partit Soċjalista hi “għajn għal għajn u sinna għal sinna”. Minflok, il-Partit Nazzjonalista ma jridx politika tal-mibgħeda, iżda politika tat-tama għax nemmnu f’pajjiżna u fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jitkellem dwar il-bżonnijiet tan-nies u diġà ħabbar ammont kbir ta’ proposti konkreti. Il-Partit Nazzjonalista qed jersaq lejn l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bl-aqwa Kandidati li jistgħu jirrappreżentaw lill-poplu, grazzi wkoll għall-Partit Popolari Ewropew, li hu l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>