Manchester United u Chelsea spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’Old Trafford f’logħba missielta, draw li l-aktar li kkuntenta lil Chelsea minħabba li baqgħu tliet punti fuq it-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer. Għal Manchester United komplew ir-riżultati negattivi hekk kif issa kisbu biss żewġ rebħiet u draw fl-aħħar għaxar logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.
Kienu Manchester United li fetħu l-iskor fit-13-il minuta f’azzjoni maħduma tajba, b’Luke Shaw jaqta’ kross lura mix-xellug lejn Juan Mata li minn qagħda ideali għadda l-ballun taħt il-plejers ta’ Chelsea. It-tim ta’ Sarri ġab id-draw ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt mid-distanza ta’ Antonio Rudiger li kien salvat parzjalment minn David De Gea, b’Marcos Alonso jieħu vantaġġ mill-iżball tal-gowlkiper Spanjol.
Fit-tieni taqsima l-partita naqset ftit mir-ritmu tagħha anki minħabba li l-logħob twaqqaf diversi drabi. Fosthom weġġgħu ż-żewġ difensuri ċentrali u kellhom jinbidlu, Eric Bailly għal Manchester United u Antonio Rudiger għal Chelsea. Fil-ħin miżjud it-tnejn setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa, b’ daqqa ta’ ras tas-sostitut Marcos Rojo tkun maqlugħa fuq il-linja, b’De Gea jsalva tajjeb il-konklużjoni mill-viċin ta’ Gonzalo Higuain.
//= $special ?>