Lokali

Manifest elettorali b’viżjoni u pjan għal Malta – Clyde Puli

Flimkien u bi proposti konkreti nsarrfu is-sħubija fl-Unjoni Ewropea f’ġid għal kulħadd

Id-dritt tal-ħajja u l-ġid komuni jibqgħu pilastri tal-politika Ewropea tagħna

 “Bil-manifest tagħna qed nħarsu ‘l quddiem biex flimkien insarrfu s-sħubija fl-Unjoni Ewropea f’ġid għall-Maltin u l-Għawdxin. Id-dritt tal-ħajja u l-ġid komuni jibqgħu pilastri tal-politika Ewropea tagħna.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt il-Kunsill Ġenerali straordinarju tal-PN. 

Clyde Puli qal li kuntrarjament għall-Gvern Soċjalista bla pjan, bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-Partit Nazzjonalista fassal pjan fit-tul għal pajjizna, li għadna qed ingawdu minnu sal-lum u minflok miljun u nofs kif kien ħa żball il-Partit Soċjalista, pajjżna ġab mill-Ewropa aktar minn €2 biljun. Huwa qal li l-PN kellu foresight filwaqt li l-Labour għandu hindsight u li kieku għall-Partit Soċjaista qatt ma sirna membri tal-Unjoni Ewropa u lanqas ma bbenfikajna mill-fondi Ewropej. Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli rringrazzja lil Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. 

Clyde Puli qal li l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista huwa mimli ideat bi proposti konkreti fosthom għall-ambjent, l-arja nadifa, l-politka onesta u l-governanza tajba Huwa qal li l-PN għandu pożizzjoni ċara favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali, u li vot favur il-PN huwa vot favur il-ħajja, vot biex jieqafu l-inġustizzji fil-pensjonijiet, biex niġġieldu l-kompetizzjoni inġusta għan-negozji żgħar, biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer u vot favur immaniġġjar aħjar tal-iskart.   

Clyde Puli qal li l-Partit Soċjalista jilgħab biċ-ċifri u bis-surplus li filli jitfacca u filli jisparixxi skond il-bżonn ta-propoganda tal-Gvern. Huwa qal li mas-surplus tan-numri qed jinħoloq surplus tan-nuqqas ta’ kwalità tal-ħajja, surplus tat-traffiku, tal-arja maħmuġa, tal-iskart, tal-għoli tal-hajja, tal-faqar, tal-early school leavers, tal-inugwaljanza u tal-korruzzjoni. 

Huwa qal li l-PN mhux se jibza’ jitkellem fuq il-korruzzjoni u se jaħdem biex tissaħħaħ d-demokrazija f’pajjiżna u jkollna istituzzjonijiet ħielsa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-PN mhux se jaqta’ qalbu quddiem il-politika tal-mibegħda tal-Partit Soċjalista tal-‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’ ta’ Alfred Sant.

Huwa qal li l-PN jemmen fil-‘power of we’ u flimkien għal pajjiżna se nibqgħu nwasslu vuċi soda għall-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew.